FAQs

Il-kontrolli jkopru l-esportazzjoni, it-tranżitu u s-senserija ta’ oġġetti elenkati fl-Iskeda għar-Regolamenti dwar it-Tagħmir Militari (Kontroll tal-Esportazzjoni), SL365.13 kif emendat mill-Avviż Legali 195 tal-2020 u l-Lista Militari Komuni tal-UE.

 

 

It-tagħmir militari huwa kkategorizzat taħt 22 kategorija distinta kif definit hawn taħt:
ML1: Armi b’kanna lixxa b’kalibru ta’ inqas minn 20 mm, armi oħrajn u armi awtomatiċi b’kalibru ta’ 12.7 mm (kalibru 0,50 pulzier) jew inqas u aċċessorji, u komponenti ddisinjati apposta għalihom
ML2: Armi b’kanna lixxa b’kalibru ta’ 20 mm jew aktar, armi jew armament oħrajn b’kalibru akbar minn 12.7 mm (kalibru 0,50 pulzier), projetturi u aċċessorji, u komponenti ddisinjati apposta għalihom
ML3: Munizzjon u apparati tal-issettjar tal-fjus, u komponenti ddisinjati apposta għalihom
ML4: Bombi, torpidows, rokits, missili, apparat splussiv ieħor u ċarġis u tagħmir u aċċessorji relatati, u komponenti ddisinjati apposta għalihom
ML5: Il-kontroll tan-nar, u tagħmir ta’ allert u twissija relatat, u sistemi relatati, tagħmir ta’ ttestjar u allinjament u kontramiżura, iddisinjat apposta għall-użu militari, u komponenti u aċċessorji ddisinjati apposta għalihom
ML6: Vetturi tal-art u komponenti
ML7: Aġenti kimiċi, “aġenti bijoloġiċi”, “aġenti għall-kontroll tal-irvellijiet”, materjali radjuattivi, tagħmir, komponenti u materjali relatati
ML8: “Materjali enerġetiċi”, u sustanzi relatati
ML9: Bastimenti tal-gwerra (tal-wiċċ jew ta’ taħt l-ilma), tagħmir navali speċjali, aċċessorji, komponenti u bastimenti oħra tal-wiċċ
ML10: “Inġenji tal-ajru”, “vetturi eħfef mill-arja”, “Vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ” (“UAVs”), aeromagni u tagħmir għall-“ajruplani”, tagħmir u komponenti relatati, iddisinjati jew modifikati apposta għall-użu militari
ML11: Tagħmir elettroniku, “inġenji spazjali” u komponenti, mhux speċifikati x’imkien ieħor fil-Lista Militari Komuni tal-UE
ML12: Sistemi ta’ armi b’enerġija kinetika b’veloċità għolja u tagħmir relatat, u komponenti ddisinjati apposta
ML13: Tagħmir armat jew protettiv, kostruzzjonijiet u komponenti
ML14: ‘Tagħmir speċjalizzat għal taħriġ militari’ jew għas-simulazzjoni ta’ xenarji militari, simulaturi ddisinjati apposta għal taħriġ fl-użu ta’ kwalunkwe arma tan-nar jew arma speċifikata minn ML1 jew ML2, u komponenti u aċċessorji ddisinjati apposta għalihom
ML15: Tagħmir tal-immaġni jew ta’ kontramiżura, iddisinjat apposta għall-użu militari, u komponenti u aċċessorji ddisinjati apposta għalihom
ML16: Foroġ, forom u prodotti oħrajn mhux kompluti, maħsuba apposta għal oġġetti speċifikati minn ML1 sa ML4, ML6, ML9, ML10, ML12 jew ML19
ML17: Tagħmir, materjali u “libreriji” mixxellanji, u komponenti ddisinjati apposta għalihom
ML18: ‘Tagħmir’ u komponenti tal-‘Produzzjoni’
ML19: Sistemi ta’ armi b’enerġija diretta (DEW), tagħmir relatat jew ta’ kontromiżura u mudelli ta’ ttestjar, u komponenti ddisinjati apposta għalihom
ML20: Tagħmir krijoġeniku u “superkonduttiv”, u komponenti u aċċessorji ddisinjati apposta għalihom
ML21: Softwer
ML22: Teknoloġija

L-armi tan-nar huma deskritti bl-entrati ta’ kontroll ML1 u ML2 tal-Lista Militari Komuni tal-UE. L-armi tan-nar u l-oġġetti relatati huma kkontrollati anke meta jkunu maħsuba għall-użu fl-isport aktar milli għall-użu militari. Pereżempju, il-biċċa l-kbira tas-snieter u l-azzarini se jiġu speċifikati minn ML1.

 

Liċenzja hija meħtieġa meta tagħmir militari jkun qed jiġi esportat lejn pajjiżi terzi, ikun fi tranżitu, ikun trasbordat jew imqabbad b’senserija. It-trasferimenti intrakomunitarji ta’ munizzjon minn negozjanti lokali huma wkoll soġġetti għal liċenzjar.

Il-merkanzija/oġġett tista’ tiġi interċettata u miżmuma sakemm jiġi ddeterminat jekk hijiex soġġetta għal liċenzja. Wieħed ikun responsabbli wkoll għall-penali elenkati fl-Artikolu 10 tar-Regolamenti dwar it-Tagħmir Militari (Kontroll tal-Esportazzjoni), SL365.13.

Applikazzjoni għal liċenzja tal-esportazzjoni għandha ssir elettronikament fuq commerce.gov.mt jew servizz.gov.mt. L-informazzjoni meħtieġa fl-applikazzjoni għandha tiġi ttajpjata u sottomessa onlajn flimkien mad-dokumentazzjoni rilevanti kollha.
Id-dokumentazzjoni ta’ sostenn tista’ tkun kopji tal-manwali tal-prodotti, iċ-ċertifikati tal-użu aħħari (EUCs), il-polza tat-tagħbija, il-permessi tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni, il-fatturi, iċ-ċertifikazzjonijiet u l-liċenzji tal-operat, eċċ. Xi dokumenti huma  obbligatorji fl-applikazzjonijiet kollha, speċifikament fl-EUC u l-permess tal-importazzjoni/esportazzjoni. Madankollu huwa rakkomandabbli li jiġu ppreżentati d-dokumenti kollha relatati mal-oġġett u t-tranżazzjoni involuta. Id-dokumenti mhumiex meħtieġa fl-oriġinali matul l-ipproċessar, iżda mal-ħruġ ta’ liċenzja. L-EUC biss normalment tintalab fl-oriġinal.
Id-dokumenti kollha għandhom ikunu bl-Ingliż jew bil-Malti. Meta dan ma jkunx il-każ, għandha tiġi pprovduta traduzzjoni ċċertifikata flimkien mad-dokument.
In-noti ta’ gwida jipprovdu spjegazzjoni aktar dettaljata dwar il-proċess tal-applikazzjoni.

Għandek tissottometti l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni malajr kemm jista’ jkun, u preferibbilment qabel ma tieħu kwalunkwe impenn kuntrattwali. Il-ħinijiet tal-ipproċessar għandhom it-tendenza li jkunu twal fid-dawl tal-valutazzjonijiet u l-verifiki li jeħtieġ li jitwettqu mill-awtorità tal-liċenzji f’konsultazzjoni ma’ entitajiet oħra. L-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni normalment ikunu validi għal seba’ xhur.

L-attivitajiet ta’ senserija jinvolvu t-trasferiment ta’ kwalunkwe oġġett elenkat fl-Iskeda għar-Regolamenti dwar it-Tagħmir Militari (Kontroll tal-Esportazzjoni) minn kwalunkwe pajjiż, inkluża Malta, għal kwalunkwe pajjiż ieħor. Hemm bżonn ta’ żewġ liċenzji. Qabel ma jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe attività ta’ senserija persuna fiżika jew ġuridika għandu jkollha fil-pussess tagħha liċenzja ta’ sensar. Sussegwentement, kull trasferiment individwali għandu jkun liċenzjat. Applikazzjoni għal liċenzja ta’ Sensar issir bil-miktub lid-Direttur tas-Servizzi Kummerċjali u l-Proġetti, filwaqt li l-applikazzjonijiet għat-trasferiment individwali ta’ oġġetti jsiru permezz tal-applikazzjoni elettronika.

Il-kumpaniji tal-UE jew ta’ pajjiżi terzi jistgħu japplikaw bl-istess mod għal liċenzja għall-esportazzjoni, it-tranżitu, it-trasbord jew it-trasferiment ta’ oġġetti.

L-informazzjoni misjuba f’din it-taqsima għandha titqies bħala mhux vinkolanti.

Aġġornata l-aħħar fis-27 ta’ Ġunju 2022