Premju Proprjetà Intelletwali Malta

L-għan ta’ dawn il-Premjijiet huwa biex jirrikonoxxu l-isforzi ta’ individwi u kumpaniji li ħadu l-ideat u l-kunċetti jew il-proċess tal-operat tagħhom pass ‘il quddiem. Permezz ta’ dawn il-Premjijiet, il-Gvern qed jinkoraġixxi l-iżvilupp ta’ ideat jew prodotti innovattivi li għandom grad ta’ potenzjal li huwa kemm uniku, kif ukoll sostenibbli.

Kategoriji tal-Premjijiet

It-tliet kategoriji tal-Premjijiet għall-Innovazzjoni ta’ Malta huma li ġejjin:

A. Premju għall-Innovazzjoni Kreattiva

L-industriji kulturali u kreattivi huma sinifikanti għall-innovazzjoni ghax huma primarjament ibbażati fuq ideat innovattivi li jipproduċu ammont sostanzjali ta’ prodotti u servizzi ġodda. Individwi u intrapriżi kreattivi huma l-qalb tal-industriji kulturali u kreattivi. Permezz tat-talent, ħila, intraprenditorija u proprjetà intelletwali, huma jistgħu jiġġeneraw xogħolijiet u kumpaniji ġodda u jistgħu anke jgħinu industriji stabbiliti jużaw metodi differenti għall-futur.

Il-Premju għall-Innovazzjoni Kreattiva jippremja individwi jew intrapriżi li qed joperaw fl-industriji tal-kultura u kreattività, li għandhom kombinazzjoni eċċelenti ta’ kreattività, innovazzjoni u intraprenditorija. Il-proġetti sottomessi jistgħu jkunu prodotti ġodda jew innovazzjoni ġdida ta’ proċess jew mod ġdid ta’ ħidma.

B. Premju għall-Innovazzjoni Xjentifika

L-Innovazzjoni Xjentifika hija bbażata fuq għarfien avvanzat iġġenerat minn studenti, akkademiċi u professjonisti tax-xjenza, li jintużaw fil-ħolqien ta’ idea ġdida, il-fehma jew l-iskoperta ta’ kunċett xjentifiku ġdid u l-ħolqien ta’ apparat, proċess jew prodott ġdid. Dan għandu jkun riżultat tar-riċerka u l-iżvilupp flimkien mal-esperimentazzjoni li hija bbażata fuq ix-xjenza.

C. Premju għall-Innovazzjoni Teknoloġika

L-Innovazzjoni Teknoloġika tinvolvi għodod ġodda jew imtejba li jirriżultaw fis-soluzzjoni tal-problemi permezz tal-applikazzjoni ġdida tagħhom, u b’ hekk jissaħħaħ l-eżitu ta’ proċess partikolari mill-użu ta’ tali tagħmir jew għodod.

Jingħata wkoll Premju Speċjali lill-Innovatur Emerġenti li jintgħażel mill-Kumitat ta’ Għażla, mis-sottomissjonijiet kollha li jaslu għat-tliet kategoriji. Barra minn hekk, dan il-premju huwa maqsum f’żewġ sezzjonijiet skond il-grupp ta’ etajiet, i.e. ta’ bejn is-16 sa t-30 sena u l-31 sena u aktar.

L-applikanti kollha jridu jkunu ċittadini Maltin, gruppi ta’ individwi Maltin jew intrapriżi li huma stabbiliti f’Malta.

Ir-rebbieħa ta’ dawn il-premjijiet jirċievu premjijiet u trofew.

Rikonoxximent tal-WIPO

Ir-rebbieħa tal-Premju Proprjetà Intelletwali Malta jistgħu jirċievu wkoll premju mill-World Intellectual Property Organisation.

L-iskop tal-premjijiet tal-WIPO huwa li jiċċelebraw il-kisbiet tal-inventuri, tal-kreaturi u tal-kumpaniji innovattivi madwar id-dinja. Il-WIPO Awards Program għandu l-għan li jgħin fit-trawwim ta’ kultura li fiha l-innovazzjoni u l-kreattivita’ huma mħeġġa f’kull livell tas-soċjeta’. Ir-riklamar iġġenerat mill-WIPO Awards joffri wkoll mezz biex jippromwovi fehma usa’ ta’ kif taħdem is-sistema tal-Proprjetà Intellettwali biex taqdi l-kreattività u l-innovazzjoni.