BREXIT
Ir-Renju Unit kien se jħalli l-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020 iżda permezz ta’ Ftehim ta’ Ħruġ, ġie applikat perjodu tranżitorju li jdum sal-31 ta’ Diċembru 2020. Matul dan il-perjodu l-liġi tal-UE għadha tapplika għar-Renju Unit għalkemm ma kienx għadu rappreżentat fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji, il-korpi u l-uffiċċji tal-UE. Barra minn hekk, matul dan iż-żmien ma kien hemm l-ebda bidla fis-sistema preċedenti tal-liċenzjar tal-importazzjoni u l-esportazzjoni u d-dispożizzjonijiet li kienu japplikaw għall-Istati Membri tal-UE baqgħu japplikaw għar-Renju Unit.
L-iskadenza tal-perjodu tranżitorju inevitabbilment se ġġib bidliet, ostakoli għall-kummerċ u skambji transkonfinali. Notevolment, f’termini tar-Regolamenti dwar il-Kontroll tal-Importazzjoni (SL 117.14), ir-Renju Unit se jaqa’ fil-lista li tapplika għal pajjiżi terzi, Skeda 2, li jfisser li ħafna prodotti li ma kinux suġġetti għal liċenzja meta r-Renju Unit kien Membru tal-UE, issa se issir liċenzjabbli. Bl-istess mod, l-oġġetti kollha taħt ir-Regolament tal-Kontroll tal-Esportazzjoni (SL 117.02) se jeħtieġu wkoll liċenzja tal-esportazzjoni jekk jiġu esportati lejn ir-Renju Unit. Għal aktar informazzjoni dwar il-proċeduri tal-applikazzjoni għall-importazzjoni u l-esportazzjoni żur il-paġni tal-web rispettivi għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet. Id-Dipartiment bħalissa qed jaċċetta applikazzjonijiet li se jsiru effettivi biss fl-1 ta’ Jannar 2021.
Peress li mill-1 ta’ Jannar 2021 ir-Renju Unit se jsir klassifikat bħala pajjiż terz, tranżazzjonijiet maqbuda taħt ir-Regolamenti ta’ Tagħmir Militari (Kontroll tal-Esportazzjoni), SL365.13, bir-Renju Unit bħala pajjiż ta’ destinazzjoni finali se jsiru wkoll liċenzjati. Il-formola tal-applikazzjoni u informazzjoni oħra huma disponibbli online.
Fir-rigward tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju f’termini ta’ SL365.12 Regolamenti ta’ Oġġetti b’użu doppju (Kontroll tal-Esportazzjoni), l-UE għadha kemm adottat regolament li jemenda li jinkludi r-Renju Unit taħt l-Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Esportazzjoni tal-UE EU001. Informazzjoni dwar din il-proċedura distinta tinsab fil-paġna ta’ użu doppju. Se jsir applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2021.
Aġġornata l-aħħar fit-18 ta’ Diċembru 2020