Esportazzjoni ta’ Tagħmir Militari

Ir-Regolamenti dwar l-Esportazzjoni ta’ Tagħmir Militari SL365.13, kif emendati mill-Avviż Legali 195 tal-2020 jipprevedu l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni fir-rigward ta’ armi, armamenti, munizzjon, splussivi, aġenti tossikoloġiċi u tagħmir militari ieħor, inklużi vetturi militari, bastimenti tal-gwerra, inġenji tal-ajru u tagħmir elettroniku. Lista ta’ tagħmir militari li jeħtieġ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tinsab fl-Iskeda ta’ dawn ir-regolamenti. Il-Lista Militari Komuni tal-UE hija l-aktar lista aġġornata. Ir-regolamenti jestendu l-kontrolli għat-tranżiti u għall-attivitajiet ta’ intermedjazzjoni brokering relatati mat-trasferiment ta’ armi u tagħmir militari ieħor minn kwalunkwe pajjiż (barra Malta) lejn kwalunkwe pajjiż ieħor.

F’konformità mal-approċċ tal-UE, l-esportazzjonijiet tal-armi huma vvalutati skont tmien kriterji ta’ valutazzjoni tar-riskju estensivi relatati mar-riskju ta’ ksur tad-drittijiet umani u l-liġi umanitarja, ir-riskju ta’ devjazzjoni, ir-riskju ta’ instabbiltà interna jew reġjonali. Dawn huma stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar il-Kontrolli fuq l-Esportazzjoni tal-Armi 2008/944/PESK.

Bħal fil-każ tar-Regolamenti dwar Oġġetti b’Użu Doppju (Kontroll tal-Esportazzjoni), l-esportaturi ta’ tagħmir militari huma marbuta b’penali li jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa meta japplikaw għal awtorizzazzjoni, u li jikkonformaw ma’ kwalunkwe kundizzjoni jew rekwiżit impost fuq l-awtorizzazzjoni.

Min-naħa l-oħra, ir-regolamenti ma japplikawx għall-esportazzjonijiet ta’ tagħmir militari mill-Forzi Armati ta’ Malta taħt ċerti ċirkostanzi speċjali (eż. fir-rigward ta’ ċerti operazzjonijiet militari bħal operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi, sitwazzjonijiet ta’ periklu u emerġenza u kompetizzjonijiet militari internazzjonali) u għal skopijiet ta’ tiswija jew ittestjar ta’ tali tagħmir militari.

L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ssir b’mod elettroniku, filwaqt li l-mistoqsijiet jistgħu jiġu mibgħuta fuq [email protected] jew 21226668/25690100/25690101. Informazzjoni dettaljata dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni u liċenzjar tista’ tinstab fil-links ta’ hawn taħt.

L-aħħar aġġornament

L-aħħar aġġornament fil-11 ta’ Marzu 2025