Il-Premju Nazzjonali għal Appoġġ lin-Negozju (NSBA)

Dwar il-Kompetizzjoni

Il-Premju Nazzjonali għal Appoġġ lin-Negozju (NSBA) hija kompetizzjoni nazzjonali li l-għan ewlieni tagħha huwa li jiġu ppremjati inizjattivi li qed jiffaċilitaw in-negozju.

Il-parteċipanti jistgħu japplikaw f’waħda minn żewġ sezzjonijiet bi premju ta’ €1200 u €7000 għall-parteċipanti li jikklassifikaw l-ewwel u t-tieni rispettivament f’kull sezzjoni.

Min jista’ jipparteċipa

Hemm żewġ sezzjonijiet differenti fil-kompetizzjoni nazzjonali:

Taqsima A li hija miftuħa għall-Entitajiet tal-Gvern (ministeri, dipartimenti, kunsilli lokali, awtoritajiet u entitajiet pubbliċi u sħubijiet pubbliċi-privati).

Taqsima B li hija miftuħa għal NGOs, trejdjunjins, assoċjazzjonijiet professjonali, skejjel, istituzzjonijiet edukattivi, l-Università ta’ Malta, assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw setturi fin-negozju u l-industrija u entitajiet privati li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ SME kif stabbilit fid-definizzjoni ta’ SME tal-UE. Entitajiet privati jistgħu jieħdu sehem biss taħt Kategorija 6.

Inizjattivi Eliġibbli

Il-parteċipanti potenzjali kollha ta’ hawn fuq (ħlief għall-SMEs) jistgħu jikkompetu fis-sitt kategoriji elenkati hawn taħt. L-SMEs jistgħu jipparteċipaw biss fil-kategorija 6.

Kategorija 1: It-titjib tal-ambjent tan-negozju u l-promozzjoni tal-ispirtu tal-intraprenditorija

Din il-kategorija tirrikonoxxi inizjattivi li jippromwovu mentalità intraprenditorjali.

Kategorija 2: Investiment fil-ħiliet intraprenditorjali

Din il-kategorija tirrikonoxxi inizjattivi fuq livell lokali jew nazzjonali sabiex jitjiebu l-ħiliet intraprenditorjali, maniġerjali u tal-impjegati.

Kategorija 3: Appoġġ għat-transizzjoni diġitali

Din il-kategorija tirrikonoxxi inizjattivi li jappoġġjaw it-transizzjoni diġitali tal-intrapriżi u jippermettulhom li jiżviluppaw, jikkummerċjalizzaw u jużaw teknoloġiji diġitali, prodotti u servizzi ta’ kull tip.

Kategorija 4: L-appoġġ għall-internazzjonalizazzjoni tan-negozju

Din il-kategorija tirrikonoxxi politiki u proġetti innovattivi, li jgħinu lill-SMEs jespandu għal swieq ġodda, jappoġġaw il-kummerċ transfruntier u jgħinu fl-internazzjonalizzazzjoni.

Kategorija 5: Appoġġ għat-transizzjoni sostenibbli

Din il-kategorija tirrikonoxxi politiki u inizjattivi fil-livell lokali jew nazzjonali li jappoġġjaw it-transizzjoni sostenibbli u jappoġġjaw aspetti ambjentali, bħal l-ekonomija ċirkolari, klima newtrali, enerġija nadifa, jew biodiversità permezz, per eżempju, ta’ żvilupp ta’ ħiliet sostenibbli u tlaqqigħ kif ukoll finanzjament.

Kategorija 6: Intraprenditorija responsabbli u inklussiva

Din il-kategorija tirrikonoxxi inizjattivi lokali jew nazzjonali minn awtoritajiet jew sħubiji pubbliċi-privati jew SMEs li jippromwovu r-responsabbiltà soċjali fost intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Din il-kategorija ser tirrikonoxxi sforzi għall-promozzjoni ta’ intraprenditorija fost gruppi żvantaġġati bħal persuni qiegħda (speċjalment dawk li ilhom ħafna bla xogħol), immigranti legali, persuni b’diżabbiltà jew persuni minn minoranzi etniċi.

Minn din is-sena, ser jingħata premju speċjali lil xi proġett li jeċċella fl-appoġġ lil Start-ups jew imprendituri żgħażagh. Il-premju huwa ispirat mill-iStrateġija tal-UE għal Start-up u Scale-up.

Il-kriterji għal dan il-premju se jkunu bbażati fuq il-ħames objettivi ewlenin tal-Istrateġija:

  • it-trawwim ta’ ambjent kummerċjali li jiffavorixxi l-innovazzjoni,
  • it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għal negozji ġodda u negozji li qed jespandu,
  • l-appoġġ għad-dħul fis-suq u t-tkabbir,
  • l-attrazzjoni u ż-żamma tat-talent intraprenditorjali,
  • l-iffaċilitar tal-aċċess għan-netwerks, l-infrastruttura u l-ekosistemi.

L-applikazzjonijiet għandhom jaslu għand id-Dipartiment tal-Kummerċ sa mhux aktar tard mis-17 ta’ Lulju 2026.