Trademarks Spjegati
Dan l-artiklu joffri informazzjoni bażika dwar xi aspetti tat-trademarks. Mhuwiex dokument ta’ referenza u ma jġorr l-ebda awtorità. Id-Direttorat tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali ma jimpenjax li jagħti parir legali jew opinjoni dwar it-trademarks, ħlief fil-kors ta’ proċeduri formali – iżda għandu l-għan li jwieġeb xi wħud mill-mistoqsijiet l-aktar bażiċi.
Definizzjoni ta’ Trademark
Trademark tfisser kull sinjal li jista’ jiġi rappreżentat grafikament, u li jiddistingwi oġġetti u servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ oħra. Trademark tista’ tikkonsisti fi kliem (inklużi ismijiet personali), elementi figurattivi, ittri, numri jew il-forma ta’ oġġetti jew l-ippakkjar tagħhom.
Implikazzjonijiet ta’ Reġistrazzjoni
Meta proprjetarju jirreġistra t-trademark tiegħu, huwa jakkwista dritt ta’ proprjetà, li jibbenefika minn rimedji speċifiċi.
Applikazzjoni għar-Reġistrazzjoni ta’ Trademark
Għandha ssir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark lill-Kontrollur, li jeżamina l-applikazzjoni u jasserixxi jekk ir-rekwiżiti kollha għar-reġistrazzjoni ta’ tali applikazzjoni humiex sodisfatti.
Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark tista’ tiġi sottomessa online fuq www.ips.gov.mt u għandu jkun fiha dan li ġej:
- talba għar-reġistrazzjoni ta’ trademark;
- l-isem u l-indirizz tal-applikant;
- dikjarazzjoni tal-prodotti jew servizzi li fir-rigward tagħhom tkun qed tintalab tirreġistra t-trademark;
- rappreżentazzjoni tal-marka;
- l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant jew avukat, f’każijiet fejn ikun inħatar wieħed;
- dikjarazzjoni li titlob prijorità f’każijiet fejn l-applikant jixtieq jieħu vantaġġ minn applikazzjoni preċedenti;
- indikazzjoni li t-trademark qed tintuża mill-applikant jew bil-kunsens tiegħu, fir-rigward ta’ dawk il-prodotti jew servizzi, jew li għandu intenzjoni bona fide li għandha tintuża;
- dikjarazzjoni li jkun fiha l-isem jew l-ismijiet tal-kulur jew kuluri li qed jintalbu f’każijiet fejn l-applikant jixtieq jitlob il-kulur bħala karatteristika distintiva tal-marka; u
- il-miżata preskritta.
Drittijiet Konferiti minn Trademark Reġistrata
Il-proprjetarju ta’ trademark reġistrata għandu drittijiet esklussivi fuq it-trademark. Tali drittijiet jinkisru b’tali użu tat-trademark f’Malta meta:
- isir l-użu fil-kors tal-kummerċ ta’ sinjal li huwa identiku jew simili għat-trademark fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi jew simili għal dawk li għalihom hija rreġistrata; u hemm il-probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, inkluża l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni mat-trademark;
- isir l-użu fil-kors tal-kummerċ ta’ sinjal li huwa identiku jew simili għal trademark fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi li mhumiex simili għal dawk li għalihom it-trademark hija reġistrata, iżda t-trademark għandha reputazzjoni f’Malta u tali użu jieħu vantaġġ inġust minn jew ikun ta’ detriment għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark.
Klassifikazzjoni
Jekk l-applikant jixtieq japplika għal trademark fir-rigward ta’ prodotti u servizzi differenti huwa għandu jagħmel applikazzjoni differenti għal kull kategorija. L-oġġetti u s-servizzi huma kklassifikati mill-uffiċċju skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Oġġetti u Servizzi għall-Għanijiet tar-Reġistrazzjoni tal-Marki taħt il-Ftehim ta’ Nizza. Qabel il- preżentazzjoni tal-applikazzjoni, l-applikant, jekk ikollu dubju, għandu jiċċekkja mal-uffiċċju dwar kif il-prodotti u s-servizzi tiegħu għandhom jiġu kklassifikati.
Jekk ma tafx f’liema klassi(jiet) jinsabu l-oġġetti jew is-servizzi tiegħek, jew trid tivverifika li qed tuża l-klassi(jiet) korretta(i) għal ċerti oġġetti jew servizzi, jekk jogħġbok uża l-għodda ġdida ta’ tfittxija tal-Klassifikazzjoni TMClass https://euipo.europa.eu/ec2, dan jgħinek tfittex u tikklassifika Oġġetti u Servizzi (termini) meħtieġa biex tapplika għall-protezzjoni tat-trademarks.
- Klassifikazzjoni ta’ Nizza ta’ Oġġetti u Servizzi ta’ Trademarks 11-il Edizzjoni – Intestaturi tal-Klassi
- Klassifikazzjoni ta’ Nizza ta’ Oġġetti u Servizzi ta’ Trademarks 11-il Edizzjoni – Dettaljati Alfabetikament
- Klassifikazzjoni ta’ Nizza ta’ Oġġetti u Servizzi ta’ Trademarks 11-il Edizzjoni – Dettaljati skond il-Klassi
- Klassifikazzjoni ta’ Vjenna tal-Marki Figurattivi it-8 Edizzjoni
Talba għal Prijorità ta’ Applikazzjoni għal Konvenzjoni
Persuna li ressqet applikazzjoni għall-protezzjoni ta’ trademark f’pajjiż, li hija membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jew membru tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, hija jew is-suċċessur tagħha fit-titolu, għandha d-dritt li titlob prijorità fir-reġistrazzjoni tal-istess trademark għal kwalunkwe jew l-istess oġġetti jew servizzi li għalihom tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni. Tali talba għal prijorità hija applikabbli għal perjodu ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-ewwel applikazzjoni.
Raġunijiet Assoluti għal Rifjut ta’ Reġistrazzjoni ta’ Trademark
Ladarba l-formalitajiet jiġu ssodisfati l-applikazzjoni mbagħad tiġi vverifikata għal rekwiżiti sostantivi. Sinjal, li ma jaqax taħt id-definizzjoni ta’ trademarks, m’għandux jiġi reġistrat bħala trademark.
Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tiġi rrifjutata jekk it-trademark:
- nieqsa minn karattru distintiv
- hija magħmula kompletament minn sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, biex jindikaw it-tip, il-kwalità, l-iskop maħsub, il-valur, l-oriġini ġeografika, iż-żmien tal-produzzjoni tal-merkanzija jew tal-għoti tas-servizzi, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew is-servizzi
- tikkonsisti kompletament minn sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudini fil-lingwa attwali jew fil-prassi bona fide u stabbiliti tal-kummerċ.
- Minkejja dawn l-aħħar tliet eċċezzjonijiet, ir-reġistrazzjoni ta’ trademark m’għandhiex tiġi rrifjutata, jekk jista’ jintwera li qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, it-trademark tkun kisbet karattru distintiv bħala riżultat tal-użu li sar minnha f’Malta.
Barra minn hekk, trademark m’għandhiex tiġi reġistrata jekk tikkonsisti esklussivament minn:
- il-forma li tirriżulta min-natura tal-merkanzija nfisha; il-forma tal-merkanzija; u
- il-forma li tagħti valur sostanzjali lill-oġġetti.
Fl-aħħarnett trademark m’għandhiex tiġi reġistrata jekk:
- tmur kontra l-politika pubblika jew il-moralità;
- hija ta’ tali natura li tqarraq bil-pubbliku dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew is-servizzi;
- l-użu tagħha huwa pprojbit f’Malta minn kwalunkwe promulgazzjoni jew regola tad-dritt;
- tikkonsisti fi/jew fiha kwalunkwe sinjali, armi, armar fuq il-bnadar kif elenkati fl-Artikolu 5 tal-liġi; u
- issir b’mala fede.
Raġunijiet Relattivi għal Rifjut ta’ Reġistrazzjoni ta’ Trademark
Ir-reġistrazzjoni ta’ trademark tiġi rrifjutata wkoll jekk:
- hija identika ma’ jew simili għal trademark preċedenti u l-oġġetti jew is-servizzi li għalihom issir applikazzjoni għat-trademark huma identiċi jew simili għall-oġġetti jew is-servizzi li għalihom it-trademark preċedenti hija protetta;
- hija identika jew simili għal trademark preċedenti, u għalkemm il-prodotti jew is-servizzi mhumiex simili għal dawk fit-trademark preċedenti, madankollu r-reġistrazzjoni tieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark preċedenti;
- l-użu tagħha f’Malta jista’ jiġi pprevenut bis-saħħa ta’ kwalunkwe regola tad-dritt li tipproteġi trademark mhux reġistrata jew sinjal ieħor użat fil-kors tal-kummerċ jew bis-saħħa ta’ dritt preċedenti
Applikazzjoni għal trademark m’għandhiex tiġi miċħuda fejn il-proprjetarju tal-marka jew dritt preċedenti jagħti l-kunsens tiegħu għar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni.
Drittijiet Konferiti minn Trademark Reġistrata
Il-proprjetarju ta’ trademark reġistrata għandu drittijiet esklussivi fit-trademark. Tali drittijiet jinkisru b’tali użu tat-trademark f’Malta mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju.
Appell
Kull deċiżjoni tal-Kontrollur tista’ tiġi appellate quddiem il-Qorti tal-Appell. “Deċiżjoni” tfisser kull att, għajr dawk l-atti li jistgħu jiġu preskritti mir-regolamenti, magħmul mill-Kontrollur fl-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni vestita lilu.
Emenda ta’ Applikazzjoni
Applikazzjoni tista’ tiġi emendata bi ħlas fuq talba tal-applikant billi tikkoreġi:
- l-isem jew l-indirizz tal-applikant
- żbalji ta’ kliem jew ta’ ikkupjar, jew
- żbalji ovvji
U fejn il-korrezzjonijiet ma jaffettwawx sostanzjalment l-identità tat-trademark jew jestendu l-prodotti jew is-servizzi koperti mill-applikazzjoni.
Limitazzjoni ta’ Reġistrazzjoni
L-applikant jew il-proprjetarju ta’ trademark reġistrata jista’:
- jiċħad kwalunkwe dritt għall-użu esklussiv ta’ kwalunkwe element speċifikat tat-trademark, jew
- jaqblu li d-drittijiet mogħtija mir-reġistrazzjoni huma soġġetti għal limitazzjoni territorjali speċifikata jew limitazzjoni oħra.
Alternattivament, il-Kontrollur jista’ jiċħad kwalunkwe dritt għall-użu esklussiv ta’ kwalunkwe element speċifikat tat-trademark.
Pubblikazzjoni u Ħruġ ta’ Ċertifikati
Meta trademark tiġi rreġistrata, il-Kontrollur jippubblika r-reġistrazzjoni u joħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni lill-applikant.
Tul u Tiġdid ta’ trademark reġistrata
It-tul tar-reġistrazzjoni ta’ trademark huwa ta’ għaxar snin, li jibdew jiddekorru mid-data tar-reġistrazzjoni.
It-trademark tista’ tiġġedded għal perjodi oħra ta’ għaxar snin fuq talba tal-proprjetarju, wara l-ħlas tat-tariffa ta’ tiġdid fi żmien mhux aktar minn sitt xhur qabel id-data tal-iskadenza.
It-tiġdid jidħol fis-seħħ mill-iskadenza tar-reġistrazzjoni preċedenti. Jekk ir-reġistrazzjoni ta’ trademark ma tiġġeddidx, allura l-Kontrollur ineħħi t-trademark mir-reġistru.
Revoka u Konsenja
Il-proprjetarju jista’ jċedi trademark reġistrata fir-rigward ta’ xi wħud mill-oġġetti jew servizzi kollha jew li għalihom it-trademark hija rreġistrata.
Ir-reġistrazzjoni ta’ trademark tista’ tiġi revokata meta:
- fi żmien ħames (5) snin mid-data tar-reġistrazzjoni l-proprjetarju ma jkunx poġġa t-trademark għal użu ġenwin f’Malta;
- b’konsegwenza ta’ atti jew inattività tal-proprjetarju, sar l-isem komuni fil-kummerċ għal prodott jew servizz li għalih ikun irreġistrat; jew
- b’konsegwenza tal-użu li jsir minnu mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, jista’ jqarraq bil-pubbliku fir-rigward tal-oġġetti jew is-servizzi li għalihom huwa rreġistrat, partikolarment dwar in-natura, il-kwalità jew l-oriġini ġeografika ta’ dawk il-prodotti jew servizzi
Liċenzjar ta’ Trademark Reġistrata
Liċenzja għall-użu ta’ trademark reġistrata tista’ tkun ġenerali jew limitata; u tista’ tkun esklussiva jew mhux esklussiva.
Il-liċenzja torbot lil suċċessur fit-titolu għall-interess ta’ min jagħti, sakemm il-liċenzja ma tipprovdix mod ieħor. Fejn il-liċenzja tipprovdi hekk, id-detentur tal-liċenzja jista’ jagħti sub-liċenzja.
Trażmissjoni ta’ Trademark Reġistrata
Trademark reġistrata hija trasmissibbli b’assenjazzjoni, dispożizzjoni testamentarja jew tħaddim tal-liġi bl-istess mod bħal proprjetà personali jew mobbli oħra.
Marki Kollettivi u Marki ta’ Ċertifikazzjoni
Minbarra trademarks id-Direttorat tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali jirċievi wkoll applikazzjonijiet għal marki kollettivi u ta’ ċertifikazzjoni.
Marka kollettiva hija trademark li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta’ membri ta’ assoċjazzjoni minn dawk ta’ impriżi oħra.
Marka ta’ ċertifikazzjoni hija marka li tindika li l-oġġetti jew is-servizzi li huma wżati magħhom huma ċċertifikati mill-proprjetarju tal-marka fir-rigward tal-oriġini, il-materjal, il-mod ta’ manifattura tal-oġġetti jew il-prestazzjoni tas-servizzi, il-kwalità, l-eżattezza jew karatteristiċi oħra.
Reati Kriminali
Huwa reat kriminali għal kwalunkwe persuna li tagħmel użu mhux awtorizzat minn trademark. Persuna ħatja ta’ tali reat teħel meta tinstab ħatja priġunerija għal żmien ta’ mhux aktar minn tliet snin jew multa ta’ mhux aktar minn €23,300 jew kemm dik il-multa kif ukoll priġunerija.
It-Tranżizzjoni mil-liġijiet antiki għal-Liġi l-Ġdida li tirregola Trademarks
Proċedimenti taħt liġijiet antiki, li huma pendenti mal-bidu tal-Liġi l-Ġdida, huma ttrattati taħt il-liġijiet antiki.
Leġislazzjoni
Rimedju jew appell
Deċiżjonijiet tal-uffiċċju li huma miftuċa għal rimedju jew appell għandhom jintbagħtu fuq [email protected] jew bil-miktub fuq:
Dipartiment tal-Kummerċ, Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Direttur tar-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan,
Valletta VLT 1933, Malta
Ċaħda ta’ responsabbiltà
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni li tinsab f’dan is-sit hija maħruġa mid-Direttur tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Aġġornata l-aħħar
Aġġornata l-aħħar fit-12 ta’ Mejju 2022


