Protezzjoni

Introduzzjoni għall-Kunċetti u l-Importanza tal-Proprjetà Intellettwali

Il-Proprjetà Intellettwali hija r-riżultat ta’ idea li hija żviluppata maż-żmien u l-isforz f’kunċett li huwa oriġinali, uniku u potenzjalment ta’ valur kbir.

Dawn il-kreazzjonijiet tal-moħħ tal-bniedem jirċievu protezzjoni formali u esklussiva permezz ta’ Drittijiet statutorji li jingħataw lill-ħallieqa għall-Proprjetà Intellettwali tagħhom ibbażati fuq firxa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali.

Iż-żewġ kategoriji kbar tal-Proprjetà Intellettwali huma l-Proprjetà Industrijali u d-Drittijiet tal-Awtur.

Il-Proprjetà Industrijali tinkludi l-fergħat ewlenin:

  • Privattivi biex jipproteġu l-Invenzjonijiet
  • Disinni biex jipproteġu l-apparenza Estetika tal-prodotti industrijali
  • Trademarks biex jipproteġu Sinjali li jiddistingwu l-oġġetti jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ oħra
  • Indikazzjonijiet Ġeografiċi biex jipproteġu oġġetti li għandhom oriġini Ġeografika speċifika u li għandhom kwalitajiet jew reputazzjoni li huma dovuti għal dak il-post tal-oriġini

Id-Drittijiet tal-Awtur, jinkludu Kreazzjonijiet Artistiċi bħal:

  • Xogħlijiet Artistiċi
  • Xogħlijiet Awdjo Viżwali
  • Xogħlijiet Letterarji
  • Databases (inklużi Programmi tal-Kompjuter)
  • Xogħlijiet Mużikali
  • Xogħlijiet ċinematografiċi

Il-pajjiżi kollha għandhom liġijiet dwar il-Proprjetà Intellettwali mhux biss biex jipproteġu d-drittijiet morali u ekonomiċi tal-ħallieqa flimkien mad-drittijiet tal-pubbliku li jaċċessaw il-kreazzjonijiet tagħhom – iżda wkoll biex jippermettu t-trawwim ta’ ambjent kreattiv akbar permezz tal-qsim ta’ dawn ir-riżultati – u b’hekk iwasslu għal livelli ogħla ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali, kompetittività, kif ukoll kummerċ ġust.

Filwaqt li l-protezzjoni formali hija pprovduta għall-Proprjetà Industrijali f’Malta permezz ta’ reġistrazzjoni fid-Dipartiment tal-Kummerċ, ix-xogħlijiet tad-drittijiet tal-awtur, għalkemm mhux irreġistrati formalment, xorta jirċievu protezzjoni statutorja awtomatikament ladarba jitqiegħdu fid-dominju pubbliku.

Jeżistu wkoll diversi livelli ta’ protezzjoni internazzjonali għall-Proprjetà Industrijali permezz ta’ reġistrazzjonijiet reġjonali kif ukoll globali ma’ Uffiċċji Internazzjonali tal-PI li Malta hija membru nazzjonali tagħhom, jiġifieri:

  • L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, li hija l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi protezzjoni għat-Trademarks u d-Disinni fis-27 Stat Membru attwali kollha tagħha.
  • L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, li hija l-organizzazzjoni intergovernattiva li tipprovdi protezzjoni tal-Privattivi fis-36 Stat Membru attwali tagħha.
  • L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li hija l-organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ddedikata biex tiżgura li d-drittijiet tal-ħallieqa u tas-sidien tal-proprjetà intellettwali jkunu protetti madwar id-dinja u li l-inventuri u l-awturi huma għalhekk rikonoxxuti u ppremjati għall-għerf tagħhom.

Rimedju jew appell

Deċiżjonijiet tal-uffiċċju li huma miftuħa għal rimedju jew appell għandhom jintbagħtu fuq [email protected] jew bil-miktub fuq:

Dipartiment tal-Kummerċ, Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Direttur tar-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan,
Valletta VLT 1933, Malta

Ċaħda ta’ responsabbiltà

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni li tinsab f’dan is-sit hija maħruġa mid-Direttur tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.

Aġġornata fuq

Aġġornata l-aħħar fil-25 ta’ Mejju 2022