Tfittxijiet
Huwa rakkomandat li qabel ma tissottometti applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark, titwettaq tfittxija għal trademark fir-Reġistru Nazzjonali tat-Trademarks, sabiex jiġi ċċekkjat jekk hemmx xi reġistrazzjonijiet jew applikazzjonijiet minn qabel li l-applikazzjoni tiegħek tista’ tkun f’kunflitt magħhom.
Inkella, jekk tixtieq li l-uffiċċju jwettaq it-tfittxija f’ismek, jekk jogħġbok ibgħat e-mail fuq [email protected] fejn tindika l-marka li trid issir it-tfittxija kif ukoll l-oġġetti jew is-servizzi li għandhom ikunu koperti mill-marka. L-ispiża tat-tfittxija hija ta’ €11.65 għal kull 3 kelmiet jew 3 elementi figurattivi mfittxija, għal kull klassi ta’ oġġetti jew servizzi.
Huwa rakkomandat li qabel ma tissottometti applikazzjoni għall-għoti ta’ privattiva, titwettaq tfittxija ta’ privattiva fir-Reġistru Nazzjonali tal-Privattivi, sabiex jiġi żgurat li l-invenzjoni tiegħek tkun ġdida u oriġinali.
Inkella, jekk tixtieq li l-uffiċċju jagħmel it-tfittxija f’ismek jekk jogħġbok ibgħat e-mail fuq [email protected]. L-ispiża tat-tfittxija hija ta’ €11.65 għal kull privattiva.
Bl-istess mod huwa wkoll possibbli li ssir tfittxija għal disinji diġà applikati għalihom u rreġistrati ma’ dan l-uffiċċju kif ukoll uffiċċji nazzjonali tal-PI oħra tal-UE u uffiċċji oħra f’pajjiżi barra l-UE billi tikklikkja fuq DesignView. DesignView huwa aċċessibbli wkoll fuq il-portal tal-IP.
Talba ta’ Tiftixxija ta’ Trademark
Dan l-Uffiċċju joffri s-servizzi ta’ tiftix ta’ trademarks fuq id-Database Nazzjonali kif ukoll fuq id-Database tal-Komunità Ewropea.
Is-servizz isir fuq talba tal-klijent li jista’ jibgħat id-dettalji tat-talba ta’ tfittxija bil-posta jew email fuq [email protected].
Għall-informazzjoni tiegħek jekk jogħġbok innota wkoll li t-tariffi applikabbli għat-tfittxija huma hekk:
- Tiftix tal-Kelma: €10.00 għal kull tliet (3) kelmiet għal kull marka, f’kull klassi
- Tiftix ta’ Element Figurattiv: €10.00 għal kull tliet (3) Kodiċi ta’ Vjenna għal kull marka, f’kull klassi
- €1.00 (mhux iċċertifikat) jew €2.00 (ċertifikat) għal kull estratt mir-reġistru Nazzjonali jew EUTM
Tfittxija elettronika għal informazzjoni dwar trademarks tista’ ssir onlajn billi wieħed iżur https://ips.gov.mt/ u tikklikkja fuq Fittex fir-Reġistru Nazzjonali fit-taqsima tat-Trademarks.
Inkella, talba bl-email biex l-Uffiċċju jagħmel Tiftix f’ismek, tista’ tiġi sottomessa lid-Dipartiment tal-Kummerċ billi tuża l-indirizz elettroniku: [email protected].
Ir-Rapporti tat-Tiftix tal-Uffiċċju ma jikkostitwixxux garanzija li l-marki mfittxija jkunu reġistrati jekk tiġi sottomessa applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Il-proċedura ta’ tfittxija ta’ qabel l-applikazzjoni teskludi l-eżaminazzjoni ta’ marki għal raġunijiet assoluti għal rifjut u tfittxijiet fir-reġistru tat-Trademarks tal-Komunità Ewropea. Qed jiġi rrimarkat ukoll li għalkemm it-tfittxijiet isiru b’mod skrupluż u attent, l-Uffiċċju jiċħad ir-responsabbiltà għal kull ommissjoni, sorveljanza, ineżattezza, jew żball ikun xi jkun.
Ir-rappreżentazzjonijiet tat-Trademarks Nazzjonali, minbarra li jkunu disponibbli online, huma miftuħa għall-ispezzjoni pubblika f’dan l-Uffiċċju f’termini tal-liġi u jistgħu jiġu spezzjonati minn dawk kollha interessati. It-Trademarks tal-Unjoni Ewropea jistgħu jitfittxu direttament minn hawn.
Direttorju tal-Privattivi Farmaċewtiċi
Fl-2009, id-Dipartiment tal-Kummerċ daħal f’inizjattiva konġunta mal-Malta Enterprise, li min-naħa tagħha kkummissjona lil Chetcuti Cauchi Advocates, biex jiġbor il-kontenut ta’ Direttorju tal-Privattivi Farmaċewtiċi li jkopri l-aħħar 20 sena ta’ tali reġistrazzjonijiet f’Malta, li kompla jiġi aġġornat kull xahar mid-Dipartiment u li tista’ taraha billi tikklikkja hawn.
Direttorju Ġenerali tal-Privattivi
Id-Dipartiment tal-Kummerċ ikkompila separatament Direttorju Ġenerali tal-Privattivi li jkopri l-aħħar 20 sena tar-reġistrazzjonijiet kollha tal-Privattivi f’Malta, li jiġi aġġornat ukoll kull xahar u li tista’ tarah wkoll hawn.
Privattivi Ewropej
Din hija d-database ta’ ideat tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Privattivi, li toffri aċċess b’xejn għal aktar minn 60 miljun dokument tal-Privattivi minn madwar id-dinja, li jirrappreżentaw żviluppi tekniċi li jmorru lura għall-1836. Dan is-servizz jista’ jintuża biex tara kif joħorġu teknoloġiji ġodda, biex jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi tekniċi u biex jiskopru x’qed jiżviluppaw il-kompetituri.
Privattivi tal-Istati Uniti
Google Patents huwa servizz li joffri aktar minn 7 miljun Privattiva maħruġa fl-Istati Uniti mill-Uffiċċju tal-Privattivi u tat-Trademarks tal-Istati Uniti u li huma faċilment disponibbli onlajn.
Trademarks u Disinni tal-Unjoni Ewropea
Firxa ta’ għodod ta’ tfittxija huma disponibbli fuq il-websajt tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) li jippermettu tfittxija veloċi u faċli għall-utent ta’ Trademarks tal-Unjoni Ewropea (EU TMs) u Disinni Komunitarji Reġistrati (RCDs), li jipprovdu informazzjoni dwar klassifikazzjonijiet jew għajnuna fit-tfittxija għar-rappreżentanti.
Dan is-sit jipprovdi wkoll aċċess għall-korrispondenza, mhux kunfidenzjali, skambjata bejn l-EUIPO u s-sid tat-TM tal-UE u/jew ir-rappreżentant tagħhom permezz tas-servizz ta’ Aċċess Online għall-Fajls tat-TM tal-UE – disponibbli billi tikklikkja fuq il-EUIPO Databases.
TMview huwa servizz ġdid ta’ Tiftix iddisinjat biex simultanjament ifittex, mingħajr ħlas, fid-databases ta’ Trademarks eżistenti miżmuma mill-uffiċċji kollaboraturi nazzjonali li inti ġentilment mistieden iżżur permezz tal-link provdut hawn taħt:
Librerija Diġitali tal-Proprjetà Intellettwali
L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) tipprovdi aċċess onlajn għall-ġbir tad-data, hekk kif hawn miktub hawn taħt:
Il-Patentscope tal-WIPO jipprovdi aċċess għal aktar minn miljun applikazzjoni ppubblikata tat-Trattat ta’ Kooperazzjoni tal-Privattivi (PCT) u għall-aħħar data biblijografika u dokumenti li jinsabu fil-fajls tal-applikazzjonijiet internazzjonali tal-PCT. Ikklikkja fuq din il-link: PATENTSCOPE®.
Id-database Madrid Express tal-WIPO tinkludi r-reġistrazzjonijiet internazzjonali kollha li bħalissa huma fis-seħħ, disponibbli b’kitba Latina sħiħa mill-1978 ‘il quddiem, inklużi dawk li skadew fl-aħħar sitt xhur. Jinkludi wkoll data relatata ma’ applikazzjonijiet internazzjonali u nominazzjonijiet sussegwenti li jkunu waslu għand il-WIPO iżda li għadhom ma ġewx irreġistrati fir-reġistru internazzjonali tal-marki.
Sistema ta’ Madrid għar-Reġistrazzjoni Internazzjonali tal-Marki
Id-Database ta’ Hague Express tal-WIPO tinkludi data biblijografika u, sa fejn huma kkonċernati reġistrazzjonijiet internazzjonali regolati esklussivament jew parzjalment mill-Att(i) tal-1999 u/jew mill-1960 tal-Ftehim tal-Hague, riproduzzjonijiet ta’ Disinni Industrijali relatati ma’ reġistrazzjonijiet internazzjonali li jkunu ġew irreġistrati fir-Reġistru Internazzjonali u ppubblikat fil-Bullettin tad-Disinni Internazzjonali mill-ħarġa Nru 1/1999.
Sistema tal-Aja għar-Reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinni Industrijali
Id-database tal-Artikolu 6ter Express tal-WIPO tinkludi l-komunikazzjonijiet kollha li saru s’issa taħt l-Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali (Konvenzjoni ta’ Pariġi) minn Stati u organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali – għall-protezzjoni ta’ Emblemi tal-Istat, Marki Uffiċjali u Emblemi ta’ Organizzazzjonijiet Intergovernattivi. Tiġi aġġornata hekk kif tintbagħat talba ġdida għall-komunikazzjoni lill-Istati parti għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi u lill-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).
Artikolu 6ter tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi
Il-WIPO għandha wkoll database b’informazzjoni dwar l-Appellazzjonijiet tal-Oriġini kollha mdaħħla, skont il-Ftehim ta’ Lisbona għall-Protezzjoni tal-Appellazzjonijiet tal-Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom, fir-reġistru internazzjonali u li huma fis-seħħ. Għall-konvenjenza tal-utenti, il-prodotti koperti mid-denominazzjonijiet tal-oriġini rreġistrati taħt il-Ftehim ta’ Lisbona huma kklassifikati skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali (Nizza) ta’ Oġġetti u Servizzi għall-Għanijiet tar-Reġistrazzjoni tal-Marki.
Is-Sistema ta’ Lisbona għar-Reġistrazzjoni Internazzjonali tal-Appellazzjonijiet tal-Oriġini
Databases Nazzjonali tal-PI
Filwaqt li l-għodod ta’ tfittxija ta’ hawn fuq huma ddisinjati prinċipalment għal tfittxijiet internazzjonali u reġjonali, il-biċċa l-kbira tal-uffiċċji nazzjonali l-kbar tal-PI joffru wkoll tiftix onlajn dirett tad-databases tal-PI nazzjonali tagħhom. Lista tal-uffiċċji nazzjonali akbar li jipprovdu għodod ta’ tiftix bil-lingwa Ingliża tista’ tinstab billi żżur it-taqsima tal-IP Links ta’ dan il-Portal.
Rimedju jew appell
Deċiżjonijiet tal-uffiċċju li huma miftuħa għal rimedju jew appell għandhom jintbagħtu fuq [email protected] jew bil-miktub fuq:
Dipartiment tal-Kummerċ, Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Direttur tar-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan,
Valletta VLT 1933, Malta
Ċaħda ta’ responsabbiltà
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni li tinsab f’dan is-sit hija maħruġa mid-Direttur tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Aġġornata fuq
Aġġornata l-aħħar fis-7 ta’ Mejju 2022