Kif tapplika għall-Privattiva
Ibgħat l-Applikazzjonijiet kollha tal-Privattivi tiegħek Online
Talba ta’ Tiftix mal-Uffiċċju Nazzjonali
Peress li n-novità hija rekwiżit ewlieni biex l-invenzjoni tiegħek tkun privattiva, huwa għalhekk rakkomandat li qabel ma tippreżenta privattiva lill-uffiċċju nazzjonali, titwettaq tfittxija għal privattiva biex jiġi żgurat li l-invenzjoni tiegħek tkun ġdida u oriġinali.
Tista’ tintuża wkoll tfittxija għal privattiva jekk inti interessat li tkun taf l-aħħar teknoloġija avvanzata f’ċertu qasam teknoloġiku.
Ir-rekwiżiti minimi biex issir tfittxija huma:
- It-titolu eżatt tal-privattiva
- Id-data li għaliha saret applikazzjoni għall-privattiva
- L-isem tal-applikant
It-talba ta’ tfittxija ta’ qabel l-applikazzjoni tista’ ssir jew bl-email jew bil-posta u dan is-servizz iġorr ħlas ta’ €11.65 għal kull privattiva. Inkella, tista’ ssir tfittxija fuq ir-Reġistru Nazzjonali tal-Privattivi li għalih ma huma involuti l-ebda miżati.
Websajts oħra suġġeriti b’databases għal Tfittxijiet ta’ Qabel l-Applikazzjoni huma:
- Privattivi Google: https://patents.google.com/
- Espacenet: https://worldwide.espacenet.com/
Iffajljar ta’ Applikazzjoni mal-Uffiċċju Nazzjonali
Għandha tiġi sottomessa applikazzjoni lid-Direttorat tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali online.
Il-ħlas huwa ta’ €116.47 għal kull applikazzjoni u għandu jkopri perjodu ta’ 20 sena mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni. Iż-żamma ta’ privattiva tkun soġġetta għall-ħlas tad-dritt preskritt qabel l-iskadenza tat-tieni sena fir-rigward tat-tielet sena u kull sena sussegwenti wara; ikkalkulat mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.
Il-formola tal-applikazzjoni għall-Privattivi għandha tkun akkumpanjata minn:
- Talba għall-għoti ta’ privattiva
- Deskrizzjoni tal-invenzjoni
- Pretensjoni waħda jew aktar
- Estratt tal-invenzjoni
- Kwalunkwe tpinġijiet imsemmija fid-deskrizzjoni jew it-talbiet
Eżami u Għotja
Il-proċess għall-għotja jieħu 18-il (tmintax-il) xahar mid-data tal-applikazzjoni (jew id-data ta’ prijorità meta din tkun qed tintalab mill-applikant) sakemm ma jkunx mitlub speċifikament mill-klijent bil-miktub.
L-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata sabiex jiġi stabbilit jekk l-applikazzjoni tikkonformax mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Att u fir-regolamenti. L-applikant għandu jingħata l-opportunità li jemenda l-applikazzjoni sabiex jikkonforma mar-rekwiżiti. Jekk l-applikant jonqos milli jagħmel dawn l-emendi, il-Kontrollur jista’ jirrifjuta l-applikazzjoni.
Jekk l-applikazzjoni kif ippreżentata oriġinarjament jew kif emendata tikkonforma mar-rekwiżiti formali kollha l-Kontrollur għandu jagħti privattiva fuq l-applikazzjoni.
Informazzjoni dwar il-Validazzjoni tal-Privattivi Ewropej li jinnominaw lil Malta
L-applikazzjonijiet għall-Privattivi Ewropej ippreżentati bil-lingwa Ingliża huma awtomatikament validati f’Malta u m’hemmx bżonn li tiġi ppreżentata applikazzjoni ta’ validazzjoni.
Għall-Privattivi Ewropej li mhumiex imfassla bil-lingwa Ingliża, jekk jogħġbok sib hawn taħt ir-rekwiżiti attwali sabiex tivvalida l-applikazzjoni f’Malta:
- Il-Formola ta’ Validazzjoni mimlija kif suppost;
- Il-verżjoni bl-Ingliż tal-Privattiva Ewropea fil-perjodu ta’ żmien previst fl-Artikolu 7(2)(a);
- Jekk il-verżjoni bl-Ingliż ma tkunx disponibbli, u tintalab estensjoni taż-żmien għas-sottomissjoni tal-verżjoni bl-Ingliż skont l-Artikolu 7(2)(b); l-imsemmija talba tkun teħtieġ li tiġi sottomessa flimkien mal-Ħlas preskritt; u
- Id-dokumenti tal-Prokura.
Ta’ min jinnota li s-sottomissjoni tat-talba ta’ validazzjoni tista’ tkun soġġetta għal aktar ħlasijiet li jistgħu jiġu implimentati minn dan l-Uffiċċju fi żmien debitu u l-applikanti kollha jinżammu infurmati dwar kwalunkwe rekwiżit addizzjonali, inklużi ħlasijiet, li dan l-Uffiċċju jista’ jimplimenta fil-futur.
Privattiva Ewropea li tinnomina lil Malta għandha, mid-data li fiha tissemma l-għoti tagħha mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, l-istess drittijiet bħal privattiva mogħtija mill-Uffiċċju.
Il-proprjetarju tal-privattiva għandu jivvalida l-privattiva tiegħu/tagħha f’Malta billi jippreżenta applikazzjoni quddiem id-Direttorat tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali, Dipartiment tal-Kummerċ fuq il-formola tal-applikazzjoni għall-privattiva preskritta u akkumpanjata b’evidenza tal-għoti tal-Privattiva Ewropea flimkien ma’ kopja tal-ewwel paġna tal-pubblikazzjoni tal-għotja (dokument B1).
Il-proprjetarju tal-privattiva għandu jipprovdi lil dan l-uffiċċju bi traduzzjoni tal-privattiva kif mogħtija, emendata jew limitata fil-lingwa Ingliża fi żmien tliet xhur mill-pubblikazzjoni tal-aċċenn tal-għoti tal-Privattiva Ewropea fil-Bullettin Ewropew tal-Privattivi.
Miżati ta’ tiġdid fir-rigward ta’ privattivi Ewropea għandhom jitħallsu lil dan l-uffiċċju, skont l-iskeda tal-miżuri, għas-snin li jsegwu dawk li fihom tiġi ppubblikata s-sezzjoni tal-għoti tal-privattiva Ewropea fil-Bullettin Ewropew tal-Privattivi. Jekk ħlas ta’ tiġdid isir dovut qabel tali pubblikazzjoni, din xorta trid titħallas lill-EPO. Jekk il-miżata ta’ tiġdid tkun dovuta wara dik il-pubblikazzjoni għandha titħallas lil dan l-uffiċċju. Jekk il-miżata ta’ tiġdid titħallas fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni fil-Bullettin Ewropew tal-Privattivi tal-aċċenn tal-għoti tal-privattiva Ewropea, din titqies bħala mħallsa b’mod validu u għalhekk l-ebda soprataxxa jew ħlas tard ma jitħallas.
Jekk ikun meħtieġ li applikazzjoni għall-Privattiva Ewropea tiġi kkonvertita għal applikazzjoni nazzjonali, il-formola ta’ konverżjoni meħtieġa għandha timtela u tiġi sottomessa lil dan l-uffiċċju. Id-dokumenti u r-rekwiżiti huma l-istess kif deskritti meta tapplika għal applikazzjoni nazzjonali quddiem dan l-uffiċċju.
Metodi ta’ Ħlas
Il-ħlas jista’ jsir jew:
- Direttament fl-uffiċċju, bi flus kontanti (ammont eżatt), ċekk;
- Bil-posta – il-formola tal-applikazzjoni flimkien ma’ ċekk pagabbli lil ‘The Controller of Industrial Property’;
- Online fuq https://ips.gov.mt
- Trasferiment bankarju lil:
Bank: Bank of Valletta
Numru tal-kont: 40018101689 (ħlasijiet li jridu jsiru minn min jibgħat)
IBAN: MT58VALL22013000000040018101689
Kodiċi BIC: VALL MTMT
Isem tal-Kont: Kummerċ
Skeda ta’ Miżuri għal Applikazzjonijiet għal Privattivi
Id-dokumenti jistgħu jitħallew fuq il-front desk tad-Dipartiment tal-Kummerċ kif hawn taħt:
Xitwa (1 ta’ Ottubru – 15 ta’ Ġunju): 08:00 – 12:00 & 13:30 – 15:30 Sajf (16 ta’ Ġunju – 30 ta’ Settembru): 08:00 – 12:00
Il-klijenti jistgħu wkoll jużaw is-servizzi fl-uffiċċji tal-Business First fiċ-Ċentru Joseph Grech, 2nd Floor, Cobalt House, Notabile Road, Mrieħel, Birkirkara (website https://www.businessfirst.com.mt/) jekk ikollhom xi mistoqsijiet dwar il-preżentazzjonit tal-applikazzjonijiet ta’ Trademarks, Privattivi jew Disinni.
Rimedju jew appell
Deċiżjonijiet tal-uffiċċju li huma miftuħa għal rimedju jew appell għandhom jintbagħtu fuq [email protected] jew bil-miktub fuq:
Dipartiment tal-Kummerċ, Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Direttur tar-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan,
Valletta VLT 1933, Malta
Ċaħda ta’ responsabbiltà
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni li tinsab f’dan is-sit hija maħruġa mid-Direttur tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Aġġornata fuq
Aġġornata l-aħħar fit-2 ta’ Mejju 2022