Kif tapplika għal Disinn

Ibgħat l-Applikazzjonijiet kollha tad-Disinn tiegħek Online

Talba ta’ Tiftix mal-Uffiċċju Nazzjonali

Wieħed mir-rekwiżiti għal disinn huwa li huwa oriġinali u ġdid. Għal din ir-raġuni huwa rakkomandat li ssir tfittxija tad-disinn qabel ma tapplika għar-reġistrazzjoni.

Ir-rekwiżiti minimi biex issir tfittxija huma:

  1. L-isem tad-disinn
  2. Id-data tal-applikazzjoni
  3. L-isem tal-applikant

It-talba ta’ tfittxija ta’ qabel l-applikazzjoni tista’ ssir jew bl-email jew bil-posta u dan is-servizz għandu ħlas ta’ €11.65 għal kull disinn. Alternattivament, tfittxija tista’ ssir fl-uffiċċju billi ssir tfittxija manwalment fir-reġistru li għalih ma jkun hemm l-ebda ħlas.

Huwa rakkomandat ukoll li tfittex fid-database tad-Disinn Komunitarju.

Iffajljar ta’ Applikazzjoni mal-Uffiċċju Nazzjonali

Għandha tiġi sottomessa applikazzjoni lid-Direttorat tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali online. Il-ħlas huwa ta’ €46.59 u d-dritt tad-disinn huwa protett għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni u jista’ jiġġedded għal perijodu wieħed jew aktar ta’ ħames snin kull wieħed sa terminu totali ta’ 25 sena. Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn tista’ tiġġedded fuq talba tal-proprjetarju, akkumpanjata mill-miżata preskritta. Tiġdid tard jista’ jsir sa sitt xhur wara d-data ta’ skadenza. Jekk ir-reġistrazzjoni ma tiġġeddidx din għandha titneħħa mir-reġistru.

Il-formola tal-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn:

  1. L-isem tad-disinn
  2. Numru ta’ tpinġijiet jew ritratti li juru d-disinn minn angoli differenti
  3. Deskrizzjoni tad-disinn

Eżami u Reġistrazzjoni

Il-proċess għar-reġistrazzjoni jieħu madwar 3 (tliet) xhur mid-data tal-applikazzjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi eżaminata sabiex jiġi aċċertat li hija konformi mar-rekwiżiti tal-liġi. Jekk xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jkun nieqes il-Kontrollur jinforma lill-applikant u jistiednu jagħmel l-emendi meħtieġa. Jekk l-emendi meħtieġa ma jsirux il-Kontrollur għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.

Mar-reġistrazzjoni ta’ disinn, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandu jinħareġ u għandu jiġi ppubblikat avviż fil-Ġurnal IP Online li jiddikjara l-fatt li d-disinn ġie reġistrat u li huwa disponibbli biex jarawh il-pubbliku fl-Uffiċċju.

Kif tipproteġi d-Disinn tiegħek barra/internazzjonalment

Jista’ jkun trid tirreġistra d-disinn tiegħek barra minn Malta, biex tikseb protezzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha (UE), kif ukoll f’pajjiżi oħra barra mill-UE jew saħansitra lil hinn. Is-Sistema tal-Hague għar-Reġistrazzjoni Internazzjonali tad-Disinni Industrijali tipprovdi sistema ta’ reġistrazzjoni ċentralizzata fejn tista’ tissottometti elettronikament sa 100 disinn u timmira aktar minn 55 territorju f’applikazzjoni waħda li tista’ tuża biex titlob prijorità f’files ulterjuri.

Kull individwu jew negozju f’Malta jista’ jippreżenta applikazzjoni internazzjonali taħt is-Sistema tal-Hague. Għal aktar informazzjoni dwar Iffajljar ta’ Applikazzjoni Internazzjonali, kopertura ġeografika u tariffi, u biex tibda, jekk jogħġbok mur fuq www.wipo.int/hague/en.

Metodi ta’ Ħlas

Il-ħlas jista’ jsir jew:

  1. Direttament fl-uffiċċju, bi flus kontanti (ammont eżatt), ċekk;
  2. Bil-posta – il-formola tal-applikazzjoni flimkien ma’ ċekk pagabbli lil ‘The Controller of Industrial Property’;
  3. Online fuq: https://ips.gov.mt
  4. Trasferiment bankarju lil:
    Bank: Bank of Valletta
    Numru tal-kont: 40018101689 (ħlasijiet li jridu jsiru minn min jibgħat)
    IBAN: MT58VALL22013000000040018101689
    Kodiċi BIC: VALL MTMT
    Isem tal-Kont: Kummerċ

Skeda ta’ Drittijiet għal Applikazzjonijiet għal Disinn

Id-dokumenti jistgħu jitħallew fuq il-front desk tad-Dipartiment tal-Kummerċ kif hawn taħt:

Fix-Xitwa (1 ta’ Ottubru – 15 ta’ Ġunju): 08:00 – 12:00 & 13:30 – 15:30
Fis-Sajf (16 ta’ Ġunju – 30 ta’ Settembru): 08:00 – 12:00

Il-klijenti jistgħu wkoll jutilizzaw is-servizzi fl-uffiċċji tal-Business First fiċ-Ċentru Joseph Grech, 2nd Floor, Cobalt House, Notabile Road, L-Imrieħel, Birkirkara (website https://www.businessfirst.com.mt/) jekk ikollhom xi mistoqsijiet dwar il-preżentata tal- applikazzjonijiet tat-Trademarks, Privattivi jew Disinni.

Jekk jogħġbok, toqgħodx lura milli tikkuntattja dan l-uffiċċju għal kwalunkwe mistoqsija jew kjarifika li jista’ jkollok. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkuntattja lill-uffiċċju tagħna fuq in-numru tat-telefon 2569 0340 jew ibgħat email fuq [email protected].

Rimedju jew appell

Deċiżjonijiet tal-uffiċċju li huma miftuħa għal rimedju jew appell għandhom jintbagħtu fuq [email protected] jew bil-miktub fuq:

Dipartiment tal-Kummerċ, Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Direttur tar-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan,
Valletta VLT 1933, Malta

Ċaħda ta’ responsabbiltà

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni li tinsab f’dan is-sit hija maħruġa mid-Direttur tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.

Aġġornata fuq

Aġġornata l-aħħar fit-2 ta’ Mejju 2022