Disinji spjegati
Dan l-artiklu joffri informazzjoni bażika dwar xi aspetti tad-disinji kif previst taħt l-Att dwar il-Privattivi u d-Disinni, 2000. Mhuwiex dokument ta’ referenza u ma jġorr l-ebda awtorità. Id-Direttorat tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali ma jimpenjax li jagħti parir legali jew opinjoni dwar disinni jew mudelli ħlief fil-kors ta’ proċeduri formali – iżda għandu l-għan li jwieġeb xi wħud mill-mistoqsijiet l-aktar bażiċi.
Definizzjoni ta’ Disinni
Disinni tfisser id-dehra tal-prodott kollu jew parti minnu li jirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-kontorni, il-kuluri, il-forma, in-nisġa u/jew materjali tal-prodott innifsu, u/jew l-ornamentazzjoni tiegħu.
Drittijiet ta’ Proprjetà
Disinn reġistrat huwa dritt ta’ proprjetà miksub mir-reġistrazzjoni tad-disinn skont il-liġi intitolata ‘Att li jagħmel dispożizzjoni għar-reġistrazzjoni u r-regolamenti ta’ privattivi u Disinni’. Disinn huwa protett minn dritt ta’ disinn jekk id-disinn inkwistjoni jkun ġdid u għandu karattru individwali.
Novità
Disinn jitqies bħala ġdid jekk l-ebda disinn identiku ma jkun sar disponibbli għall-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk tintalab prijorità, qabel id-data tal-prijorità.
Karattru Individwali
Disinn jitqies li għandu karattru individwali jekk l-impressjoni ġenerali li għandu fuq l-utent infurmat tvarja mill-impressjoni ġenerali prodotta minn kwalunkwe disinn ieħor li jkun sar disponibbli għall-pubbliku qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jew, jekk prijorità hija mitluba, qabel id-data ta’ prijorità.
Żvelar
Disinn jitqies li jkun sar disponibbli għall-pubbliku jekk ikun ġie ppubblikat, esebit, użat fil-kummerċ jew żvelat b’xi mod ieħor, sakemm ma jkunx jista’ jintwera li d-disinn seta’ sar magħruf b’mod raġonevoli, qabel id-data tal-preżentata jew fejn tintalab prijorità, qabel id-data ta’ prijorità, fil-kors normali tan-negozju liċ-ċrieki speċjalizzati fis-settur ikkonċernat.
Disinni Mhux Reġistrabbli
Ma jistax jinkiseb dritt tad-disinn għal:
- karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li huma ddettati biss mill-funzjoni teknika tiegħu;
- karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li għandhom neċessarjament ikunu riprodotti fil-forma u d-dimensjonijiet eżatti tagħhom sabiex jippermettu li l-prodott, li fih id-disinn huwa inkorporat jew li għalih huwa applikat id-disinn, jiffunzjona;
- disinn li jservi l-għan li jippermetti assemblaġġġ jew konnessjoni multipla ta’ prodotti interkambjabbli multipli f’sistema modulari.
- disinn li jmur kontra l-politika pubblika jew prinċipji aċċettati ta’ moralità;
- disinn li jikkonsisti mill-bandiera nazzjonali ta’ Malta, jew li jkun fih armi Presidenzjali jew Episkopali jew armamenti prinċipali jew rappreżentazzjoni ta’ bnadar
Skop ta’ Protezzjoni
Il-protezzjoni ta’ dritt ta’ disinn testendi għal kwalunkwe disinn li ma jagħtix impressjoni ġenerali differenti fuq l-utent infurmat.
Terminu ta’ Protezzjoni
Dritt ta’ disinn huwa protett għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u jista’ jiġġedded għal perijodu wieħed jew aktar ta’ ħames snin kull wieħed sa terminu totali ta’ 25 sena.
Tiġdid ta’ Reġistrazzjoni
Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn tista’ tiġġedded fuq talba tal-proprjetarju, akkumpanjata mill-miżata preskritta. Tiġdid tard jista’ jsir sa sitt xhur wara d-data ta’ skadenza. Jekk ir-reġistrazzjoni ma tiġġeddidx din għandha titneħħa mir-reġistru.
Drittijiet Esklussivi Konferiti mid-Dritt tad-Disinn
Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tagħti lid-detentur tiegħu d-dritt esklussiv li jużah u li jipprevjeni kwalunkwe parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tagħha milli tużah. Id-drittijiet tal-proprjetarju għandhom effett mid-data tar-reġistrazzjoni iżda l-ebda proċedura ta’ ksur ma tista’ tinbeda qabel id-data li fiha d-disinn ikun fil-fatt irreġistrat.
Eżawriment tad-Drittijiet
Il-proprjetarju ta’ disinn reġistrat mhuwiex intitolat li jipprojbixxi l-użu ta’ prodott li fih id-disinn huwa inkorporat jew li għalih jiġi applikat id-disinn meta l-prodott ikun tqiegħed fis-suq mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.
Trasmissjoni ta’ Disinn Reġistrat
Disinn reġistrat huwa trażmissibbli b’assenjazzjoni, dispożizzjoni testamentarja jew tħaddim tal-liġi bl-istess mod bħal proprjetà personali jew mobbli oħra. Trażmissjoni tista’ tkun parzjali u limitata sabiex l-użu tad-disinn japplika b’mod partikolari jew f’lokalità partikolari.
Applikazzjoni għar-Reġistrazzjoni
Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ disinn għandha tiġi ppreżentata lill-Kontrollur bil-lingwa Maltija jew Ingliża fuq il-formola xierqa u akkumpanjata mill-miżata preskritta.
Data tal-Preżentazzjoni
Id-data tal-preżentazzjoni għandha tkun id-data tas-sottomissjoni tal-formola tal-applikazzjoni mimlija lill-Uffiċċju.
Prijorità
Meta applikant jixtieq jitlob prijorità għal disinn jew mudell ta’ manifattura, minħabba applikazzjoni għal disinn debitament ippreżentata f’Pajjiż tal-Konvenzjoni, għandu jippreżenta applikazzjoni fi żmien 6 xhur mid-data uffiċjali tal-ewwel applikazzjoni fil-Pajjiż tal-Konvenzjoni.
Eżami ta’ Applikazzjoni
Il-Kontrollur għandu jeżamina l-applikazzjoni sabiex jaċċerta li din tkun konformi mar-rekwiżiti tal-liġi. Jekk xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jkun nieqes il-Kontrollur jinforma lill-applikant u jistiednu jagħmel l-emendi meħtieġa. Jekk l-emendi meħtieġa ma jsirux il-Kontrollur għandu jirrifjuta l-applikazzjoni.
Irtirar jew Emenda ta’ Applikazzjoni
L-applikant jista’ jirtira l-applikazzjoni tiegħu fi kwalunkwe ħin. Applikazzjoni tista’ tiġi emendata biss sa fejn l-emenda tirrigwarda korrezzjonijiet tal-isem u l-indirizz tal-applikant, żbalji ta’ kliem u żbalji ovvji. Tali korrezzjoni m’għandhiex taffettwa sostanzjalment l-identità tad-disinn.
Reġistrazzjoni
Mar-reġistrazzjoni ta’ disinn għandu jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u għandu jiġi ppubblikat avviż fil-Gazzetta tal-Gvern li jiddikjara l-fatt li d-disinn ikun ġie reġistrat u li huwa disponibbli biex jarawh il-pubbliku fl-Uffiċċju.
Raġunijiet għal Invalidità ta’ Reġistrazzjoni
Ir-reġistrazzjoni ta’ disinn tista’ tiġi ddikjarata invalida għar-raġuni li ma tikkonformax ma’ xi wieħed mill-punti 3 – 6 hawn fuq.
Effett ta’ Akkwiessenza
Azzjoni għal invalidità ma tistax tinbeda meta l-persuna li tressaq l-azzjoni tkun taf bl-użu tad-disinn reġistrat f’Malta u tkun aċċetta għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin għal dak l-użu.
Azzjoni għal Ksur
Il-proċedimenti ta’ ksur għandhom jitressqu quddiem il-Qorti Ċivili, Prim’Awla u ma għandhomx jinbdew wara ħames snin mid-data meta l-parti danneġġjata tkun kisbet għarfien tal-ksur u tal-identità tal-allegat ksur.
Leġislazzjoni
Att dwar Privattivi u Disinni Kap. 417
Rimedju jew appell
Deċiżjonijiet tal-uffiċċju li huma miftuħa għal rimedju jew appell għandhom jintbagħtu fuq [email protected] jew bil-miktub fuq:
Dipartiment tal-Kummerċ, Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Direttur tar-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan,
Valletta VLT 1933, Malta
Ċaħda ta’ responsabbiltà
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni li tinsab f’dan is-sit hija maħruġa mid-Direttur tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Aġġornata fuq
Aġġornata l-aħħar fil-25 ta’ Mejju 2022