Id-Direttorat tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali
L-għoti ta’ drittijiet lis-sidien ta’ proprejta` intelletwali ilu possibli f’Malta mill-1911 fir-rigward tad-Drittijiet tal-Awtur, u mill-1899 fir-rigward ta’ invenzjonijiet, trademarks u disinni.
Malta rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Ħarsien tal-Proprjetà Industrijali fl-1967 u l-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Ħarsien tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi fl-1964.
Fl-1969 Malta rratifikat il-Konvenzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Awtur u fl-1977 ingħaqdet mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali. Fl-1994 Malta saret membru fundatur tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u għalhekk kienet marbuta bil-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali mill-2000. F’dik l-istess sena, il-liġijiet antiki li rregolaw id-drittijiet tal-awtur, il-privattivi u t-trademarks ġew revokati u sostitwiti b’leġiżlazzjoni ġdida. Fl-2002 ġiet introdotta wkoll leġiżlazzjoni ġdida dwar id-disinni. Id-Direttorat tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ, huwa responsabbli għar-reġistrazzjoni ta’ trademarks, marki ta’ ċertifikazzjoni, marki kollettivi u disinni; il-privattivi ta’ invenzjonijiet; ħruġ ta’ ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari fir-rigward ta’ prodotti farmaċewtiċi u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif ukoll ir-reġistrazzjoni ta’ trasferimenti, kanċellazzjonijiet, emendi u tiġdid relatati mad-drittijiet tal-PI msemmija hawn fuq.
Dan l-uffiċċju jieħu ħsieb ukoll il-politika kollha tal-PI, (inkluża dik fil-qasam tad-Drittijiet tal-Awtur) kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali (UE) kif ukoll internazzjonali. Għal din ir-raġuni dan l-uffiċċju jwettaq ir-reviżjoni u l-analiżi tad-dokumentazzjoni kollha relatata mas-suġġetti tal-PI li jkunu qed jiġu diskussi fi kwalunkwe forum. Dan l-uffiċċju jipprovdi direzzjoni teknika u l-pożizzjoni ta’ Malta (wara l-konsultazzjoni meħtieġa) dwar dawn il-materji. Barra minn hekk dan l-uffiċċju jipparteċipa wkoll f’Laqgħat tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-UE kif meħtieġ u f’laqgħat organizzati mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali. B’referenza partikolari għall-mandat tal-privattivi, il-leġiżlazzjoni rilevanti hija l-Att dwar il-Privattivi Industrijali u d-Disinni (Kap 417) u l-leġiżlazzjoni sussidjarja 417.02 u 417.03 dwar ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari fir-rigward ta’ prodotti farmaċewtiċi u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fl-2007 Malta saret membru tat-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi u tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi li jipprovdu protezzjoni tal-privattivi fuq bażi internazzjonali u reġjonali, rispettivament. L-Uffiċċju jirrappreżenta lil Malta fil-Kunsill Amministrattiv tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi u fl-Assembleji Ġenerali tal-WIPO li jittratta inter alia mat-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Privattivi.
F’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-awtur, il-leġiżlazzjoni rilevanti hija l-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur (Kap 415) u l-Leġislazzjoni Sussidjarja 415.01 dwar Il-Kontroll tat-Twaqqif u l-Operazzjonijiet tas-Soċjetajiet għall-Amministrazzjoni Kollettiva tad-Drittijiet tal-Awtur, 415.02 dwar Tiġdid tad-Drittijiet tal-Awtur u Drittijiet Relatati (Protezzjoni) u Tmiem tad-Drittijiet ta’ Distribuzzjoni (Estensjoni) u 415.03 dwar id-Dritt ta’ bejgħ mill-Ġdid li għandu Artist. Fl-2009, Malta ssieħbet ukoll mat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u t-Trattat tal-WIPO daw Prestazzjonijiet u Fonogrammi.
Fir-rigward tal-mandat tat-trademarks, il-leġiżlazzjoni rilevanti hija l-Att dwar it-Trademarks (Kap 597). Mid-data tal-adeżjoni mal-UE, Malta awtomatikament saret parti mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), responsabbli mit-Trademarks u d-Disinni tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, b’mod awtomatiku it-Trademarks kollha tal-Unjoni Ewropea (kif ukoll id-Disinni Komunitarji kollha) huma applikabbli għal Malta u għalhekk għandhom ukoll protezzjoni f’Malta. Dan l-uffiċċju jirrappreżenta lil Malta fil-Bord ta’ Tmexxija u l-Kumitat tal-Baġit tal-EUIPO u jipparteċipa wkoll f’laqgħat ta’ Kollegament dwar Trademarks, Disinni u Kooperazzjoni Teknika. Barra minn hekk dan l-uffiċċju qiegħed jipparteċipa u jimplimenta wkoll numru ta’ proġetti taħt il-Fond ta’ Kooperazzjoni amministrat mill-EUIPO. Dan il-fond ifittex li joħloq u jipprovdi għodod u proġetti għall-benefiċċju tal-uffiċċji nazzjonali tal-PI u għall-utenti tat-trademarks u s-sistemi tad-disinni fl-UE.
Rimedju jew appell
Deċiżjonijiet tal-uffiċċju li huma miftuħa għal rimedju jew appell għandhom jintbagħtu fuq [email protected] jew bil-miktub fuq:
Dipartiment tal-Kummerċ, Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Direttur tar-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Industrijali
Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan,
Valletta VLT 1933, Malta
Ċaħda ta’ responsabbiltà
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-informazzjoni li tinsab f’dan is-sit hija maħruġa mid-Direttur tar-Reġistrazzjonijiet tal-Proprjetà Industrijali fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ fil-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi.
Aġġornata fuq
Aġġornata l-aħħar fil-25 ta’ Mejju 2022