Estensjonijiet tal-Ħin għal stabbilimenti liċenzjati mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu
Stabbilimenti liċenzjati skont l-Att dwar is-Servizzi tal-Ivvjaġġar u t-Turiżmu, Kap. 409, bħala stabbiliment tal-catering jew bħala night-club, diskoteka jew xi post ieħor fejn isir iż-żfin, jista’ japplika biex jibqa’ miftuħ għan-negozju lil hinn mil-limiti stabbiliti mir-Regolamenti dwar l-Estensjonijiet tal-Ħin, SL441.08. Dan ir-regolament jillimita l-ħin tal-ftuħ sas-1.00 am, bl-eċċezzjoni ta’ sigħat itwal mogħtija f’jiem speċifiċi — sa 4:00am fil-jiem tal-Karnival, il-Ħadd tal-Għid, Lejlet il-Milied u Lejliet l-Ewwel tas-Sena.
Biex tinkiseb din il-liċenzja, trid tiġi sottomessa applikazzjoni bil-miktub, skont il-mudell ipprovdut, lid-Direttorat għas-Servizzi u l-Proġetti relatati mal-Kummerċ. Din l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-aħħar liċenzja tal-MTA mħallsa u flimkien għandhom jintbagħtu bil-posta elettronika lil [email protected].
Waqt il-valutazzjoni tal-applikazzjoni, id-Direttorat jikkonsulta mal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u mal-Kummissarju tal-Pulizija, li għandhom sittin jum rispettivament biex jipprovdu r-reazzjoni tagħhom. Jekk l-oġġezzjoni tal-Pulizija jew jekk l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu tindika li l-miżati tal-liċenzja fir-rigward tal-post li miegħu tkun relatata l-applikazzjoni, ma tħallsux, l-applikazzjoni tiġi rrifjutata. Jekk ma tasal l-ebda risposta negattiva, il-liċenzja għal estensjoni tal-ħinijiet tinħareġ bi ħlas.
Ir-Regolamenti dwar l-Estensjonijiet tal-Ħin, SL441.08 jistabbilixxu għadd ta’ kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tinħareġ il-liċenzja, kif elenkat hawn taħt. Dan ma jipprekludix li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet oħra għad-diskrezzjoni tad-Direttorat.
- Il-postijiet kummerċjali li mhumiex awtorizzati jdoqqu mużika amplifikata għandhom jieqfu jdoqqu l-mużika, bi kwalunkwe mezz, fil-11:00pm bil-lejl u bejn is-1:00pm u l-4:00pm ta’ wara nofsinhar.
- Bini kummerċjali biss li hu kopert minn liċenzja sabiex idoqq mużika amplifikata jista’ jagħmel dan wara l-11:00pm ta’ bil-lejl u bejn s-1:00pm u l-4:00pm ta’ wara nofsinhar.
- Barra minn hekk, f’tali bini awtorizzat biex tindaqq mużika amplifikata, huwa pprojbit li tali mużika tinstema’ barra wara l-11:00pm ta’ bil-lejl u bejn l-1:00pm u l-4:00pm ta’ wara nofs in-nhar. Fil-lokalitajiet ta’ Bugibba, Qawra u San Pawl il-Baħar, il-limitu huwa itwal, sa nofsillejl. Ir-Regolament jistabbilixxi xi eċċezzjonijiet oħra fir-rigward ta’ dan billi jelenka żoni speċifiċi fl-istess lokalitajiet fejn il-mużika tista’ tinstema’ barra sas-1:00am ta’ filgħodu.
- Ma għandu jiġi kkawżat l-ebda fastidju jew inkonvenjent lill-ġirien minn kwalunkwe ħoss li jista’ jinstema’ minn barra.
- L-ebda mużika amplifikata minn live bands jew bi kwalunkwe mezz ma tista’ tindaqq bejn l-4:00am u d-9:00am ta’ filgħodu.
appell
Jekk applikazzjoni tiġi miċħuda, u l-applikant iħossu aggravat bid-deċiżjoni, jista’ jressaq appell bil-miktub lill-Bord tal-Appelli tal-Liċenzjar fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol mid-data tan-notifika, skont id-dispożizzjonijiet tal-Parti VI tar-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ. LS 117.14. L-appell jista’ jintbagħat fuq [email protected] jew lid-Dipartiment tal-Kummerċ, Direttorat tas-Servizzi u l-Proġetti relatati mal-Kummerċ, Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan, Valletta, VLT1933, Malta. Biex jitressaq appell hemm ħlas ta’ tmienja u ħamsin ewro (€58).
Ħlas tal-Liċenzja
€116.47 pagabbli b’ċekk lid-Direttur Ġenerali tal-Kummerċ u indirizzati lid-Direttorat tas-Servizzi u l-Proġetti relatati mal-Kummerċ, Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan, Valletta – VLT 1933.