BREXIT-UGEA001

L-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-UE għall-Esportazzjoni (UGEAs) huma magħrufa bħala “liċenzji tal-Unjoni” kif inhuma stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/2616. Huma validi fl-Istati Membri kollha tal-UE u jistgħu jintużaw minn kwalunkwe esportatur stabbilit fl-UE, sakemm l-istess esportatur jissodisfa t-termini u l-kundizzjonijiet speċifikati.

L-UE001 tkopri l-esportazzjonijiet lejn l-Awstralja, il-Kanada, il-Ġappun, New Zealand, in-Norveġja, l-Iżvizzera, inkluż il-Liechtenstein, u l-Istati Uniti.  Permezz ta’ Regolament emendatorju, ir-Renju Unit żdied mal-lista ta’ destinazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2021.

UGEAs huma dokumenti legali li jawtorizzaw l-esportazzjonijiet. L-użu tal-awtorizzazzjoni tal-UGEA huwa soġġett għall-kundizzjonijiet tal-użu stabbiliti fir-regolament.  Hija r-responsabbiltà ta’ kull esportatur li jivverifika l-ambitu preċiż tal-awtorizzazzjoni kif stabbilit fir-regolament, jivvaluta jekk l-oġġetti rilevanti humiex koperti u jiżgura li dawn jissodisfaw it-termini u l-kundizzjonijiet kollha tal-liċenzjar.

  • L-esportaturi mhumiex meħtieġa japplikaw biex jużaw l-UGEAs, iżda jeħtieġ li jirreġistraw bħala utent qabel l-ewwel użu ta’ din l-awtorizzazzjoni. Ir-reġistrazzjoni ssir permezz ta’ sottomissjoni ta’ notifika skont il-formola speċifikata. F’din in-notifika l-esportatur jipprovdi d-dettalji tiegħu u dak tal-post fejn jistgħu jiġu spezzjonati r-rekords. Barra minn hekk, l-esportatur jimpenja ruħu li jibgħat lid-Dipartiment tal-Kummerċ, data dettaljata dwar l-esportazzjoni fuq bażi ta’ kull tliet xhur (f’April, Lulju, Ottubru u Jannar għat-tliet xhur preċedenti). Kemm ir-reġistrazzjoni tal-ewwel użu kif ukoll id-data ta’ kull tliet xhur għandhom jintbagħtu lil [email protected].
  • Meta l-merkanzija tiġi esportata taħt l-awtorità ta’ UGEA, huwa rekwiżit li jiġi speċifikat in-numru ta’ referenza tal-UE X002 fil-Kaxxa 44 u l-kodiċi tal-liċenzja, jiġifieri EU001 fid-Dokument Amministrattiv Uniku Doganali.

Huwa importanti li wieħed jinnota li d-Dipartiment jista’ jipprojbixxi lill-esportaturi milli jużaw din l-awtorizzazzjoni jekk ikun hemm suspett raġonevoli dwar il-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni jew mad-dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni (l-Artikolu 12.7 tar-Regolament (UE) 2023/2616). B’mod konsistenti mal-għan ta’ approċċ komuni tal-UE għall-ġestjoni tas-sistema tal-UGEA, l-informazzjoni dwar l-esportaturi pprojbiti tiġi skambjata fost l-Istati Membri kollha.

L-awtorizzazzjoni ma tistax tintuża jekk l-esportatur ikun jaf, jew jekk ikun ġie infurmat mid-Dipartiment, li l-oġġetti inkwistjoni huma jew jistgħu jkunu intenzjonati, fl-intier tagħhom jew parzjalment:

  • għall-użu marbut mal-iżvilupp, il-produzzjoni,   l-immaniġġar, l-operazzjoni, il-manutenzjoni, il-ħażna,   l-iskoperta, l-identifikazzjoni jew it-tixrid ta’ armi kimiċi, bijoloġiċi jew nukleari jew tagħmir splussiv nukleari ieħor jew l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-manutenzjoni jew il-ħażna ta’ missili li kapaċi jwasslu tali armi
  • għal użu finali militari kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament f’pajjiż soġġett għal embargo fuq l-armi; jew
  • għall-użu bħala partijiet jew komponenti ta’ oġġetti militari elenkati fl-UE jew il-lista militari nazzjonali li ġew esportati mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat mingħajr awtorizzazzjoni jew bi ksur ta’ awtorizzazzjoni.

B’mod simili, l-awtorizzazzjoni ma tistax tintuża jekk l-oġġetti rilevanti jiġu esportati lejn żona ħielsa mid-dwana jew maħżen ħieles li jkun f’destinazzjoni koperta minn din l-awtorizzazzjoni; jew jekk id-destinazzjoni finali   tkun barra mill-pajjiżi koperti mill-awtorizzazzjoni.

L-informazzjoni ta’ hawn fuq qed tiġi pprovduta biex tiggwida lill-esportaturi. L-obbligi legali prevalenti huma dawk li jinsabu fil-liġi.

Aġġornata l-aħħar

Paġna aġġornata fis-17 ta’ Ġunju 2024