Bejjiegħa fit-Toroq
Hija meħtieġa liċenzja biex individwi jaġixxu bħala bejjiegħa fit-toroq f’termini ta’ Leġiżlazzjoni Sussidjarja 441.07 — Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ.
Bejjiegħa fit-toroq huma liċenzjati sabiex ibigħu bl-imnut minn kwalunkwe triq permezz ta’ vettura jew jagħtu servizz kif jista’ jispeċifika l-Ministru, minbarra suq fil-miftuħ.
Liċenzja maħruġa mit-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ, tindika l-bejjiegħa fit-toroq bħala liċenzjati mhux tal-ikel jew bħala liċenzjati tal-oġġetti relatati mal-ikel. Fil-każ li l-attività tikkonċerna l-bejgħ ta’ oġġetti tal-ikel għandha tinkiseb approvazzjoni minn qabel mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jista’ jiġi kkuntattjat fuq 21337333 jew bl-email [email protected].
Biex tinkiseb liċenzja ta’ bejjiegħa fit-toroq, individwi għandhom jagħmlu applikazzjoni fuq il-Formola (A) lit-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ. Il-formola tal-applikazzjoni hija disponibbli fuq l-internet.
Bejjiegħa fit-toroq li jużaw vettura bil-mutur biex iwettqu l-attività kummerċjali għandhom jkollhom bini disponibbli biex jiggaraxxjaw il-vettura. In-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura użata għal bejgħ u l-indirizz tal-bini użat għall-iskop ta’ garaxx tal-vettura użata mill-bejjiegħa għandhom ikunu indikati b’mod ċar fuq l-applikazzjoni. Kwalunkwe bidla fil-vettura jew fil-garaxx trid tiġi nnotifikata lit-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ fi żmien għaxart (10) ijiem tax-xogħol wara li sseħħ il-bidla. Applikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata u pproċessata mit-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ jekk l-indirizz tal-garaxx jew kwalunkwe indirizz ieħor fejn jinħażnu l-oġġetti ma jingħatawx. It-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ għandha d-dritt li tispezzjona tali bini u li titlob kwalunkwe dokumentazzjoni li tagħti prova ta sid il-bini meta l-applikazzjoni tindika l-użu ta’ tali bini minn aktar minn applikant wieħed.
Liċenzja maħruġa għal-bejjiegħa fit-toroq hija liċenzja personali li mhix trasferibbli u ma tippermettix lil ħaddieħor jaġixxi minflok id-detentur tal-liċenzja.
Kundizzjonijiet
Bejjiegħa fit-toroq jistaw jwettqu l-attività kummerċjali minn kwalunkwe post, fi kwalunkwe triq, (jiġifieri, billi jipparkjaw l-vettura tagħhom skont ir-regolamenti tat-traffiku fi kwalunkwe triq fejn jiefqu sabiex ibigħu sakemm jaqdu lill-klijenti tagħhom u mbagħad wara li jaqdu lill-klijenti tagħhom jiċċaqalqu lejn post ieħor), soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
- li waqt li l-bejjiegħa fit-toroq jieqfu sabiex jbigħu lill-klijenti tagħhom, l-ebda storbju jew inkonvenjent ma jkun ikkawżat lill-abitanti jew lill-nies fit-triq;
- li l-vettura tkun ipparkjata fi spazju ta’ parkeġġ permess u ma tiġi kkawżata l-ebda inkonvenjenza lill-fluss tat-traffiku;
- meta bejjiegħa fit-toroq jwaqqfu l-vettura biex ibiegħu lill-klijenti, il-vettura m’għandhiex tkun ipparkjata f’distanza ta’ ħamsin (50) metru mixi mis-suq li jmiss fil-miftuħ;
- li fil-Belt Valletta, għandu jkun permess biss il-bejgħ tal-ħaxix, tal-ħobż, tal-ħalib, tal-fjuri, tal-pitrolju u taċ-ċilindri tal-gass fit-toroq;
- li l-ebda attività kummerċjali minn bejjiegħa fit-toroq m’għandha ssir fil-Belt Valletta fi Pjazza Kastilja, fi Pjazza San Ġorġ jew fi Pjazza San Ġwann u fiż-żona tal-bieb principali tal-Belt Valletta inkluż il-Pjazza Ħelsien l-arkati inklużi, il-pont u t-terminu tat-trasport pubbliku inkluż il-fergħa ta’ San Ġakbu;
- li l-ebda attività kummerċjali minn bejjiegħa fit-toroq li joffru għall-bejgħ prodotti agrikoli m’għandha tkun permessa sa 500 metru minn ċentru ta’ kummerċjalizzazzjoni agrikola jew minn suq tal-bdiewa.
Bejjiegħa fit-toroq jistaw wkoll iwettqu l-attività kummerċjali tagħhom minn post fiss billi jipparkjaw l-vettura tagħhom biex ibigħu lill-klijenti tagħhom, soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
- li l-ebda storbju jew inkonvenjent ma jkun ikkawżat lill-abitanti jew lil dawk li jkunu għaddejjin fit-triq, bl-użu ta’ ġeneratur jew ikun xi jkun;
- li jipparkjaw l-vettura tagħhom, fi spazju ta’ parkeġġ permess kif permess mir-regolamenti tat-traffiku;
- li l-post fejn jipparkjaw l-vettura tagħhom ma jkunx fi ħdan:
- 50 metru ta’ distanza bil-mixi mis-suq li jmiss fil-beraħ; jew
- 50 metru ta’ distanza bil-mixi mid-dħul ta’ kwalunkwe bini kummerċjali sakemm għal dan il-għan, kiosk fissa għandha titqies bħala bini kummerċjali;
- li l-ebda oġġett ma jitqiegħed fuq il-bankina;
- li l-bejjiegħa fit-triq għandhom jipparkjaw il-vetturi tagħhom biex ibigħu mill-inqas 50 metru ‘l bogħod minn xulxin (ħlief fir-rigward ta’ bejjiegħa tal-ħaxix tat-triq li jbigħu fjuri u affarijiet simili qrib ċimiterju);
- li l-bejgħ minn post fiss fil-Belt Valletta għandu jkun permess biss għall-bejgħ ta’ ħaxix, ħobż, ħalib, fjuri, pitrolju u ċilindri tal-gass; u
- l-użu u l-provvista ta’ utilitajiet pubbliċi lill-bejjiegħa fit-toroq li jbigħu minn post fiss, f’post pubbliku jew art pubblika, għandhom ikunu pprojbiti.
L-ebda attività kummerċjali minn postijiet fissi jew bejgħ minn postijiet fissi jew bi kwalunkwe mezz ieħor m’għandha titwettaq:
- fil-preċinti tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta fil-Gudja;
- fil-preċinti tat-terminal tal-passiġġieri bil-baħar fil-Port il-Kbir;
- fil-preċinti ta’ lukandi suġġett għal permess bil-miktub li jingħata mill-ġestjoni tal-lukandi
- fil-viċinanza ta’ mhux inqas minn 50 metru ta’ distanza bil-mixi ‘l bogħod minn kwalunkwe sit arkeoloġiku, u
- fil-preċinti ta’ kwalunkwe skola ħlief għall-bejgħ ta’ ġelat jew unitajiet ta’ forniment tal-ikel.
Il-liċenzja maħruġa lill-bejjiegħa fit-toroq għandha, flimkien mal-aħħar riċevuta tal-liċenzja mħallsa, tintwera f’post li jidher mid-detentur tal-liċenzja meta tkun qed twettaq l-attività kummerċjali tagħha.
Waqfien ta’ attività kummerċjali
Fejn bejjiegħa fit-toroq jiddeċiedu li jwaqqfu l-attività kummerċjali tagħhom, għandhom jinnotifikaw immedjatament lit-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ fuq il-formola tal-kanċellazzjoni.
Appell
Jekk applikazzjoni tiġi rifjutata u l-applikanti jħossu li jkunu offiżi bid-deċiżjoni tat-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ jew tal-Kunsill Lokali, huma jistaw jippreżentaw appell bil-miktub lill-Bord tal-Appelli tal-Liċenzjar fi żmien għaxart (10) ijiem tax-xogħol mid-data tan-notifika, skont id-dispożizzjonijiet tal-Parti VI tar-Regolamenti dwar il-Liċenzji tan-Negozjar SL117.14. L-appell jista’ jintbagħat lil [email protected] jew lid-Dipartiment tal-Kummerċ, id-Direttorat għas-Servizzi tal-Kummerċ u l-Proġetti, Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan, il-Belt Valletta, VLT1933, Malta. Kull persuna li tagħmel appell lill-Bord għandha, mal-preżentazzjoni ta’ dan l-appell, tħallas pagament ta’ tmienja u ħamsin euro (€58).
Ħlasijiet tal-Liċenzja
- Bejjiegħa fit-toroq li jużaw vettura bil-mutur jew kwalunkwe mezz ieħor ta’ trasport: €40 kull tliet (3) snin;
- Bejjiegħa fit-toroq li jbigħu l-ħobż bl-użu ta’ kwalunkwe mezz ta’ trasport: €20 kull tliet (3) snin;
- Bejjiegħa fit-toroq li jbigħu frott u, jew ħxejjex jew ħut bl-użu ta’ kwalunkwe mezz ta’ trasport: €30 kull tliet (3) snin;
- Bejjiegħa fit-toroq li jbigħu l-qubbajt tradizzjonali Malti: €40 kull tliet (3) snin;
Mistoqsijiet jistgħu jintbagħtu lil [email protected] jew bit-telefown fuq 25690100 jew 21226688 matul il-ħinijiet normali tax-xogħol.


