Bejjiegħ sostitut ta’ bejjiegħa fit-toroq jew ta’ bejjiegħa bil-posta
Kif previst fir-Regolamenti dwar il-Liċenzji Kummerċjali S.L. 441.07, bejjiegħa fit-toroq jew bejjiegħa bil-posta jistaw jaħtru persuna oħra bħala sostitut billi japplika mat-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ, sabiex is-sostitut iwettaq l-attività ta’ bejjiegħ fit-toroq jew bil-posta ma jkunx jista’ jwettaq huwa stess.
Is-sostitut jista’ jaġixxi fin-nuqqas tad-detentur tal-liċenzja għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahar (1) fl-aggregat fil-perjodu tal-liċenzja ta’ sena (1) sakemm ikun ingħata liċenzja mit-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ biex jaġixxi bħala sostitut bejjiegħ fit-toroq jew sostitut bejjiegħ bil-posta.
Madankollu, sostitut maħtur jista japplika wkoll mat-Taqsima tal-Liċenzjar tal- Kummerċ biex iwettaq l-attività liċenzjata:
- għal kwalunkwe perjodu ta’ żmien li matulu d-detentur tal-liċenzja jkun marid,
- għal kwalunkwe perjodu ta‘ żmien li matulu d-detentur tal-liċenzja qed jieħu ħsieb ġenituri f’diffikultà, sieħeb/a jew tfal,
- għal kwalunkwe perjodu ta’ żmien li matulu d-detentur tal-liċenzja jkun qed jieħu ħsieb ġenitur, konjuġi, iben jew bint li huma rreġistrati bħala persuna b’diżabilità mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità (NCPD),
- fejn id-detentura tal-liċenzja hija tqila, matul iż-żmien tat-tqala,
- fejn id-detentur tal-liċenzja jwelled jew jadotta wild, għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn (sentejn) mid-data tat-twelid jew mid-data tal-adozzjoni rispettivament,
- fejn id-detentur tal-liċenzja jkun qed irawwem tifel/tifla, għal perjodu ta’ (1) sena mid-data li fiha jseħħ it-trawwim jew sakemm jieqaf it-trawwim, skont liema jiġi l-ewwel.
L-applikazzjoni għal-bejjiegħ sostitut hija f’format elettroniku u wieħed huwa mħeġġeġ biex jissottomettuha online. Hija titlob informazzjoni dwar l-attivita ta’ bejgħ, il-persuni involuti, jiġifieri, il-bejjiegħ tat-triq liċenzjat u s-sostitut prospettiv, il-vettura bil-mutur użata fit-twettiq tal-attività u l-post tal-garaxx fejn tinżamm, kif ukoll il-post fejn huma maħżuna l-oġġetti.
Barra minn hekk, għandu jiġi appoġġjat bid-dokumentazzjoni li ġejja:
- Ritratt ta’ daqs tal-passaport tad-detentur prinċipali tal-liċenzja;
- Ritratt ta daqs tal-passaport tal-bejjiegħ sostitut;
- Ċertifikat mediku fil-każ ta’ mard, tqala jew fejn id-detentur tal-liċenzja jkun qed jieħu ħsieb ġenituri, konjuġi jew tfal f’diffikultà;
- Ċertifikat tat-twelid fejn id-detentur tal-liċenzja jkun welled tarbija u prova li d-detentur tal-liċenzja jkun adotta wild fil-każ ta’ adozzjoni;
- Prova li l-ġenitur, is-sieħeb, it-tifel jew it-tifla, skont il-każ, huma rreġistrati bħala persuna b’diżabbiltà mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità (NCPD) fil-każ fejn id-detentur tal-liċenzja jkun qed jieħu ħsieb ġenitur b’diżabilità, konjuġi, iben jew bint;
- Fil-każ ta’ foster, evidenza dokumentata li d-detentur tal-liċenzja jkun qed irabbi t-tfal, wara li jkun ġie ċċertifikat li jista’ jaġixxi bħala foster missier jew omm mill-panel tal-adozzjoni u tat-trawwim tad-Dipartiment għall-Benesseri tal-Familja; u
- Fejn l-attività kummerċjali tinvolvi l-bejgħ ta’ ikel, approvazzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Ambjentali li l-bini indikat bħala maħżen jista’ jintuża għall-ħażna ta’ oġġetti (bil-kundizzjoni li fejn il-bini tad-detentur tal-liċenzja jkun se jintuża bħala maħżen u tali bini jkun diġa ġie ċċertifikat mill-awtoritajiet tas-Saħħa Ambjentali, l-applikazzjoni tista’ minflok tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni li tindika dan l-użu u ċ-ċertifikazzjoni u ffirmata mit-tnejn li huma id-detentur tal-liċenzja u s-sostitut). Id-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali jista’ jiġi kkuntattjat fuq 21337333 jew bl-email [email protected]
Detentur ta’ liċenzja jista’ jimpjega persuna jew persuni biex jgħinuh f’xogħolu sakemm dak id-detentur tal-liċenzja jew sostitut ikun preżenti fejn tkun qed isseħħ l-attività kummerċjali.
Il-liċenzja ma ġġorr l-ebda ħlas.
Mistoqsijiet jistgħu jintbagħtu lil [email protected] jew bit-telefown fuq 25690100.
Aġġornata l-aħħar
Aġġornata l-aħħar fil-11 ta’ Ġunju 2021