Attività Kummerċjali ta’ Aġenzija ta’ Referenza dwar Kreditu

Skont ir-Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ S.L.441.07, liċenzja hija meħtieġa biex twettaq in-negozju ta’ Aġenzija ta’ Referenza dwar Kreditu. L-applikazzjoni biex titwettaq attività bħal din tiġi riċevuta mit-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ u tiġi skrutinizzata mill-Bank Ċentrali ta’ Malta bħala l-awtorità superviżorja.

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta joħroġ rakkomandazzjoni dwar il-ħruġ ta’ liċenzja lit- Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ fi żmien tliet (3) xhur mid-data ta’ meta tasal applikazzjoni kompluta. Il-perjodu ta’ tliet (3) xhur jista’ jiġi estiż għal perjodu wieħed ta’ tliet (3) xhur oħra fid-diskrezzjoni tal-Bank. L-applikant ikun infurmat dwar tali estensjoni u r-raġunijiet għalfejn hija meħtieġa.

Il-liċenzja tinħareġ f’isem l-Aġenzija ta’ Referenza dwar Kreditu u mhix trasferibbli.

It-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ, fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, jista’ wkoll jirrifjuta li joħroġ liċenzja. F’dak il-każ, in-notifika tad-deċiżjoni ta’ rifjut tinkludi ukoll r-raġunijiet għat-tali rifjut.

Biex tapplika għal-liċenzja mat- Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ, il-kumpaniji interessati għandhom jikkompilaw il-formola applikabbli onlajn, fil-waqt li jehmżu id-dokumenti elenkati hawn taħt u jagħmlu ħlas ta’ €500.

Id-dokumenti meħtieġa mal-applikazzjoni huma:

  1. Dikjarazzjoni tal-attivitajiet tan-negozju li jkun fiha l-programm ta’ operazzjonijiet, fejn  tintwera b’mod partikolari x-xorta ta’ attivitajiet li l-applikant jiġġestixxi;
  2. Kopja tal-Memorandum u Artikoli ta’ Assoċjazzjoni jekk l-applikant ikun kumpanija jew kopja tal-Istatut jekk l-applikant ikun organizzazzjoni ġuridika apparti kumpanija, fejn tiġi speċifikata b’mod ċar li l-operazzjoni ta’ aġenzija ta’ referenza dwar kreditu tkun waħda mill-għanijiet ewlenin tagħha;
  3. Deskrizzjoni tal-istruttura tal-organizzazzjoni, arranġamenti dwar it-tmexxija tagħha, u l-politiki operattivi li jkopru l-operazzjonijiet kritiċi inkluża, meta jkun il-każ, deskrizzjoni tal-użu maħsub li jsir mill-fergħat;
  4. Dokument li jkun juri li l-aġenzija ta’ referenza dwar kreditu jkollha identifikatur ta’ entità ġuridika attiv;
  5. Dokument li jkun jiddeskrivi infrastruttura u l-kapaċità teknoloġika fis-seħħ inkluża x-xorta ta’ metodoloġija ta’ punteġġi li tintuża biex jinħareġ punteġġ ta’ kreditu;
  6. Dikjarazzjoni bil-miktub li tikkonferma li data maħruġa mir-Reġistru Ċentrali tal-Kreditu tkun ser tintuża biex jinħarġu l-punteġġi ta’ kreditu;
  7. Dokument li jkun fih min huma dawn l-awdituri jew ditti ta’ awditjar li jkunu ser jagħmlu l-awditjar tal-aġenzija ta’ referenza dwar kreditu;
  8. Dokument li jelenka l-ismijiet tal-persuni li effettivament jidderieġu n-negozju u l-operazzjonijiet tal-aġenzija ta’ referenza dwar kreditu;
  9. Kopja tal-mudell tan-negozju u kopja tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-verifika jew rapporti finanzjarji konsolidati tal-aħħar tliet (3) snin, jekk applikabbli;
  10. Kopja tar-rendikonti finanzjarji li turi li l-Aġenzija ta’ Referenza dwar Kreditu għandha kapital u riservi ta’ mhux inqas minn mitt elf ewro (€100,000).

Minbarra l-proċess ta’ applikazzjoni ta’ hawn fuq li jsir ma t-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ, il-Bank Ċentrali ta’ Malta għandu rekwiżiti ta’ applikazzjoni addizzjonali. Aktar informazzjoni tinsab fuq din il-link​.

Appell

Applikant li jħossu aggravat b’deċiżjoni tat-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ jista’ jressaq appell lill-Bord tal-Appelli tal-Liċenzjar skont l-Att u t-Taqsima VI. L-appell jista’ jintbagħat lil [email protected] jew lid-Dipartiment tal-Kummerċ, Lascaris Bastions, Daħlet Ġnien is-Sultan, Valletta, VLT1933, Malta. Kull persuna li tagħmel appell lill-Bord għandha, meta tippreżenta dak l-appell, tħallas tmienja u ħamsin euro (€58) lit-Taqsima tal-Liċenzjar tal-Kummerċ.

Ħlas tal-Liċenzja

L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn pagament mhux rimborsabbli ta’ ħames mitt euro (€500) pagabbli lid-Dipartiment tal-Kummerċ.

Din il-liċenzja hija valida għal ħames snin.

Kanċellazzjoni

Id-detentur ta’ Liċenzja tan-Negozjar ta’ Aġenzija ta’ Referenza dwar Kreditu jista’ jitlob il-kanċellazzjoni tagħha billi jimla l-Formola ta’ Kanċellazzjoni.