Agorateka huwa portal Pan-Ewropew kif ukoll netwerk li għandu l-għan li jippromwovi kontenut legali f’ħames kategoriji: sensiliet u films, mużika, e-books, video games u avvenimenti sportivi. Bħalissa, 27 pajjiż Ewropew qed jipparteċipaw fil-programm u aktar minn 5,300 Legal Offer Sites huma marbuta mal-portal.
Agorateka huwa l-portal pan-Ewropew tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO). L-EUIPO huwa wieħed mill-akbar aġenziji deċentralizzati tal-UE, ibbażat f’Alicante, fi Spanja. Huwa kklassifikat bħala wieħed mill-uffiċċji tal-IP l-aktar innovattivi fid-dinja. L-EUIPO jamministra r-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea (EUTM) u d-disinn tal-Unjoni Ewropea (EUCD), l-indikazzjonijiet ġeografiċi (GIs) għall-prodotti artiġjanali u industrijali, il-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (IP), kif ukoll l-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali.
Agorateka nħoloq permezz tal-Osservatorju Ewropew dwar il-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, li huwa parti mill-EUIPO. L-Osservatorju jagħti appoġġ fil-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-IP u jgħin fil-ġlieda kontra t-theddida dejjem tikber tal-ksur tad-drittijiet tal-IP fl-Ewropa.
Agorateka ġie ppreżentat fil-Parlament Ewropew fl-2017. Wara talba mill-Parlament, agorateka ġie inkluż fil-Programm ta’ Ħidma tal-2023 tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġġieled il-piraterija tal-avvenimenti diretti.
L-Istħarriġ tal-Perċezzjoni tal- IP tal-EUIPO għall-2023 wera li ħafna ċittadini tal-UE ma jafux fejn isibu sorsi legali ta’ kontenut diġitali. Pereżempju, 45% biss taċ-ċittadini tal-UE jafu fejn jistgħu jaraw legalment avvenimenti sportivi diretti. B’reazzjoni għal dawn il-bżonnijiet, l-Osservatorju tal-EUIPO ħoloq agorateka, li huwa punt ta’ aċċess għal portali nazzjonali u jippermetti liċ-ċittadini Ewropej isibu sorsi legali online b’mod faċli u rapidu.
Is-sejbien ta’ kontenut online legali xi kultant jista’ jkun diffiċli. Ħafna websajts li fihom kontenut illegali jidhru simili ħafna għal websajts uffiċjali. Minħabba f’hekk, jista’ jkun diffiċli li tiddistingwi bejn dak li huwa legali u dak li mhuwiex permess.
Agorateka jippermetti li ssib portali nazzjonali li jippubblikaw links għal websajts li fihom mużika, films u sensiliet televiżivi, e-books, video games u avvenimenti sportivi. Il-kontenut jista’ jkun disponibbli permezz ta’ abbonament, kontenut b’xejn, jew kontenut sponsorjat minn inserzjonijiet pubbliċitarji. F’dan il-każ, ir-riċevituri jkollhom ukoll aċċess b’xejn għall-kontenut u r-reklami.
Agorateka jippermetti li wieħed jaċċessa kontenut legali fuq l-internet malajr u faċilment. Fih ukoll statistika li tista’ tkun utli għal dawk li jfasslu l-politika, għaċ-ċittadini u għall-kumpaniji. Il-portal jinsab f’evoluzzjoni kontinwa, jiżviluppa, jitjieb u jespandi b’websajts ġodda minn diversi pajjiżi.